Lokali

Il-Ħamis se tibda l-inkjesta pubblika b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia

Il-Ħamis li ġej ser tibda l-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia … u mistennija ddum ħames xhur; għalkemm tista’ tintalab estensjoni.

Iż-żagħżugħ tilef ħajtu f’Diċembru li għadda waqt li kien fuq il-post tax-xogħol .. hekk kif fi ftit minuti ġġarfet binja f’Kordin… b’konsegwenza li ħalliet żagħżugħ ta’ 20 sena mirdum qalb it-terapien.. filwaqt illi 5 persuni oħra spiċċaw midruba serjament u qattgħu xhur sħaħ l-isptar.

It-termini ta’ din l-Inkjesta Pubblika ġew preżentati f’laqgħa mal-media li saret fil-magħluq l-Erbgħa li għadda, u skont it-termini ta’ referenza….din l-inkjesta għandha tinvestiga l-possibiltà ta’ nuqqas minn naħa ta’ xi entità tal-istat, u jekk hemmx regolamenti fil-proċessi tal-bini li jeliminaw ir-riskju ta’ korriment.

It-termini jsemmu wkoll l-allokazzjoni lill-kumpanija AllPluz tas-sit li fuqu kienu qed isiru ix-xogħolijiet. Din il-kumpanija hija immexxija minn Matthew Schembri u Kurt Buhagiar.

Intant, f’għeluq is-sena mit-tqegħid tar-rapport finali tal-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, ir-rakkomandazzjonijet magħmula mill-bord ser jiġu diskussi bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fil-Parlament.

Din l-Inkjesta Pubblika se tkun immexxija mill-Ombudsman attwali Joe Zammit McKeon, mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u mill-espert tal-Qorti Mario Cassar. U l-Bord għandu s-saħħa jaħtar persuni biex jassistuh f’din l-inkjesta.

Meta indirizza lill-media, il-Ministru Jonathan Attard baqa’ jgħid li din hi Inkjesta Amministrattiva u mhux Inkjesta Pubblika.

It-traġejda ta’ Jean Paul Sofia seħħet f’Dicembru li għadda, u għal xhur sħaħ, il-Gvern baqa’ jirreżisti li ssir Inkjesta Pubblika dwarha. Tant li saħansitra ivvota kontra l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament mill-Partit Nazzjonalista.