Internazzjonali Knisja

Il-Papa jżur is-Santwarju ta’ Fatima fil-Portugall

Eluf ta’ persuni laqgħu lill-Papa Franġisku fis-Santwarju ta’ Fatima fil-Portugall hekk kif għadhom għaddejjin l-attivitajiet għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Fis-Santwarju ta’ Fatima l-Papa Franġisku mexxa ir-rużarju ma’ 112-il persuna li kienu jinkludu tfal u ż-żgħażagħ morda, nies b’diżabbilita, kif ukoll priġunieri.

L-aħħar li l-Papa Franġisku żar is-Santwarju ta’ Fatima kien fl-2017, f’għeluq il-mitt sena mid-dehriet tal-Madonna.

Fil-fatt, skont il-Knisja Kattolika, Fatima huwa l-post fejn fl-1917, il-madonna dehret lit-tlitt itfal – Luċija, Ġjaċinta, u Franġisku. U tkellmet magħhom dwar bosta affarijiet, fosthom dawk li ġew meqjusa bħala ‘sigrieti.’ Preżenti fis-Santwarju kien hemm madwar 200,000 persuna.

Fi’ kliemu, l-Papa qal li l-Knisja hija miftuħa għal kulħadd. Semma dan mal-fatt li din hija d-dar tal-omm, u li omm dejjem ikollha qalbha miftuħa għall-ulieda kollha, mingħajr diskriminazzjoni. Hu sostna li jekk qatt inkunu f’xi diffikulta, għadna nitolbu lil Madonna, u hi ser tiġi tgħina mal-ewwel bħalma kienet għenet lil kuġinta Eliżabetta meta kellha bżonn.

Intant, wara l-messaġġ li wassal f’Fatima… il-Papa se jkun qed jirritorna f’Lisbona.

Hemm se jmexxi ċelebrazzjoni li għaliha mistennija jattendu madwar miljun persuna. Dan il-programm ta’ impenji għall-Papa Franġisku jifforma parti mill-attivitajiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li qed issir f’Lisbona.