Traġedja fix-Xewkija hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija raġel ta’ 50 sena residenti n-Nadur tilef ħajtu f’fabbrika li tinsab x-Xewkija Għawdex.
Il-każ seħħ ftit wara s-7pm f’fabbrika li hemm fiz-Zona Industrijali.
Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel kien għadu kemm niżel minn trakk (skip loader) li kien qiegħed isuq fejn għal xi raġuni t-trakk mexa lura, bil-konsegwenza li l-vittma nqabad bejn l-istess trakk u ħajt.
Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu. Iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post.
Il-Maġistrat tal-Għassa Brigitte Sultana kienet infurmata bil-każ u ħatret Inkjesta, filwaqt li investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.