Atletika Sport

Keith Galea u Maya Schembri Rodgers jirbħu l-aħħar tellieqa Trialthon organizzata minn BSJ

Keith Galea ta’ Birkirkara St. Joseph rebaħ it-tellieqa finali tal-Go&Fun Birkirkara Saint Joseph Triathlon Series sabiex kiseb il ħdax-il rebħa tiegħu f’Serje.

Din is-serje kienet tikkonsisti f’erba’ triathlons – żewġ tiġrijiet Sprint Distance (750 metru għawma, 20 kilometru rota u 5 kilometri ġirja) u żewġ tiġrijiet Standard/Olympic (1500 metru għawma, 40 kilometru rota, 10 kilometri ġirja). L-għawma ta’ 1500m rat lil Nicholas Sammut u Keith Galea, joħorġu mill-ilma b’żewġ sekondi jifirdu lit-tnejn. Filwaqt li Sammut kien l-ewwel barra mill-ilma u gewwa t-tranżizzjoni, kien Galea li kiseb vantaġġ ta’ erba’ sekondi.

Fuq ir-rota, Galea ħa vantaġġ qawwi u assigura distakk bejnu u Steve Ritchie. Fuq il-ġirja ta’ 10km, Keith Galea rreġistra l-aħjar ħin, sabiex kiseb il-ħdax-il rebħa tiegħu f’din is-serje.

Steve Ritchie, temm fit-tieni post qabel Roberto Briffa.

Fil-kategorija tan-nisa, Maya Schembri Rodgers kienet l-ewwel mara barra mill-ilma u żammet il-vantaġġ tul it-tellieqa kollha biex daħlet l-ewwel, qabel Marquita u Denise Cortis. Kienet organizzata Sprint Triathlon, fejn rebħu l-kategoriji rispettivi Ryan Muscat u Elaine Fenech.

Fi tmiem il-kompetizzjoni gew ippreżentati t-trofej minn David Cachia, President tal-Malta Triathlon Federation u Ray Grech, President, Birkirkara St Joseph Sports Club.