Lokali

L-inflazzjoni tħalli impatt negattiv fis-swieq tal-investimenti

L-inflazzjoni li qed tinħass f’diversi pajjiżi madwar l-Ewropa ħalliet impatt ferm negattiv fis-swieq tal-investimenti.

Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia waqt intervista fil-programm Flusek fuq Net Television.

Farrugia qal li kaġun tal-gwerra – fost affarijiet oħra – kien hemm żieda tal-interessi minn naħa tal-Bank Ċentrali Ewropew – żieda li wasslet għal rata ogħla ta’ inflazzjoni bil-konsegwenza li kien hemm ferm inqas investimenti fis-suq.

Kenneth Farrugia qal illi pjuttost rari li l-investiment jinżel daqshekk fi ftit xhur.

Barra minn hekk, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena il-BOV ra tnaqqis ukoll fid-depożiti kemm dawk personali kif ukoll dawk relatati ma’ negozju.

Madankollu, il-BOV għal sena oħra reġa ra żieda fis-self kummerċjali, self personali kif ukoll self relatat ma’ dawk li jixtiequ jixtru l-ewwel propjetà.

Kenneth Farrugia qal li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena s-self kummerċjali żdied bi 8.7% filwaqt li s-self personali żdied bi kważi 14%.