Xhur sħaħ ta’ trab, inġenji li joħolqu storbju sfrenat, u inkonvenjent liema bħalu għal dawk kollha li jgħixu fil-madwar.
Triq il-Kbira fir-Rabat għadha qisha zona tal-gwerra, wara li f’Ottubru li għadda bdew ix-xogħlijiet…. b’konsegwenza li diversi ħwienet kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom, bir-residenti jispiċċaw msakkra fi djarhom u nuqqas ta’ aċċessibiltà għaċ-ċentru tar-Rabat hekk kif din it-Triq hija waħda mit-toroq prinċipali tal-lokal li tagħti għall-pjazza.
F’kummenti ma’ Net News, bosta qalulna illi jinsabu ferm inkwetati dwar il-futur tan-negozju tagħhom hekk kif preżentament in-negozju tagħhom batta – u kuljum qed jaffaċjaw trab, ħmieġ u storbju kaġun ta’ dawn ix-xogħolijiet fi triq prinċiapli u ewlenija fir-Rabat.
Dan apparti li toroq oħra bħal Triq ir-Rebħa kif ukoll Triq Doni jinsabu magħluqa kompletament.
Ir-residenti li tkellmu magħna saħqu li filwaqt li x-xogħol irid isir, is-sigurtà tal-poplu għandha tiġi mħarsa minnufih, għaliex is-sitwazzjoni kif inhi hija dizastruza u qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti … speċjalment għall-anzjani u ġenituri ta’ tfal ta’ età żgħira li jkollhom jgħaddu minn din iż-żona bis-siġġu tar-roti jew b’xi pushchair.
Apparti dan huwa faċli mmens li xi ħadd jaqa’ f’gandott u jweġġa’ serjament.
U filwaqt li ix-xogħlijiet qegħdin joħolqu tħassib u inkwiet liema bħalu… Triq il-Kbira fir-Rabat għadha mifnija bi trabijiet u trakkijiet, u r-residenti għadhom jistennew lil xi ħadd li jgħidilhom verament meta se titlesta din it-triq.
//= $special ?>