Lokali

Sejħa għal aktar kontabbiltà mill-Gvern

“Hemm bżonn li l-Membri Parlamentari Laburista jimxu b’etika fl-aġir tagħhom kull ħin. Għalkemm f’pajjiżna ma teżistix kultura ta’ riżenji, hemm il-ħtieġa li jkun hemm aktar kontabbiltà speċjalment minn dawk li huma responsabbli li jmexxu lil pajjiżna.”

Dan sostnietu l-ADPD wara dak li ġie żvelat din il-ġimgħa hekk kif il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ammetta li kien ipprovda informazzjoni żbaljata lill-Parlament dwar il-ħlasijiet liċ-Chairman tal-Air Malta David Curmi; jiġifieri Clyde Caruana inqabad jigdeb.

Wara li aktar kmieni Clyde Caruana kien ċaħad li Curmi kien qiegħed jirċievi ħlas addizzjonali barra il-pakkett tiegħu ta’ €21,500 fix-xahar, issa ammetta li qiegħed jitħallas ukoll onorarja ta’ €10,000 addizzjonali bħala membru tal-bord.

Dawn il-ħlasijiet skandalużi qegħdin iseħħu fi żmien meta l-Gvern qiegħed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li jagħti sa €300 miljun f’sussidji, filwaqt li l-ħaddiema għadhom qegħdin jistennew l-innegozjar ta’ ftehim kollettiv ġdid għalihom.