Lokali

Allegati prattiċi ta’ bullying, theddid u għajjat fil-konfront ta’ Uffiċjali tad-Dipartiment tat-Taxxi

Storja xokkanti dik li għaddewna uffiċjali u ħaddiema li jservu fid-Dipartiment tat-Taxxi li hu mmexxi minn Joseph Caruana, Eks Segretarju Permanenti, li allegaw magħna prattiċi ta’ bullying, theddid u għajjat fil-konfront tagħhom sal-punt li issa s-sitwazzjoni saret waħda insapportabbli fejn bħal donnu ħadd mhu jagħti kas tal-weġgħat tagħhom.

Dawn is-sorsi infurmati fid-Dipartiment tat-Taxxi qalulna li bħala impjegati taċ-Ċivil li għandhom esperjenza vasta u kumplessa fl-istess Dipartiment li hu wieħed tassew sensittiv, jistgħu jindunaw li Joseph Caruana tpoġġa f’dan ir-rwol tant delikat meta fil-verità m’għandu l-ebda kwalifika fis-suġġett, m’għandu l-ebda arti u ħila fil-mestier, la jaf il-liġijiet tat-taxxa u anqas il-proċeduri li jridu jkunu segwiti… fi ftit tal-kliem tpoġġa hemm bħala ħatra politika iżda fil-verità ma jaf ‘A’ minn ‘B’ fis-suġġett.

Fil-verità wkoll hu qatt ma serva f’xi tip ta’ dipartiment governattiv simili għal dan, u dan qed iwassal biex dan id-Dipartiment qiegħed jiddeterjora bil-ġranet.

Lil dawk li tkellmu ma’ Il-Mument bil-kundizzjoni tal-kunfidenzjalità stretta aħna tajnihom il-kelma li nisimgħuhom u li nwasslu l-weġgħat tagħhom bil-konvinzjoni li l-awtoritajiet u min hu responsabbli minn dan id-Dipartiment jieħu passi drastiċi biex l-affarijiet ma jissoktawx jaggravaw.

Qalulna s-sorsi infurmati tagħna li fi ftit kliem, Joseph Caruana qatt ma ħadem fuq taxxi u m’għandu l-ebda esperjenza f’dan is-suġġett, u wisq u wisq inqas għandu xi għarfien dwar il-proċessi li d-Dipartiment jirrikjedi fl-infurzar tal-ligijiet relatati mat-taxxi.

Joseph Caruana kien Segretarju Permanenti tal-Eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li inċidentalment kien ħeles minnu wara li kellu problemi miegħu u ma ħuh fejn ħuh kien spiċċa tressaq il-Qorti fuq korruzzjoni u eventwalment kien ġie liberat mill-akkuża minħabba żball tekniku fl-att tal-akkuża (xi ħaġa li taħt dan il-Gvern din saret prassi komuni ħafna!)

Jirriżulta li l-Eks Ministru Evarist Bartolo, biex ħeles minnu, kien ħaseb li jintbagħat biex iservi f’xi rwol fil-Ministeru tal-Finanzi, l-iżjed biex jieħu ħsieb il-merger tad-Dipartiment tat-Taxxi… iżda wara kien reġa’ tneħħa mill-Finanzi u mar Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Trasport. Il-gravità issa hi li Joseph Caruana qiegħed imexxi Dipartiment li fil-verità hu s-sinsla tas-Servizz Pubbiku għaliex minnu jiddependi d-dħul tal-Gvern. Fil-fatt kemm ilu fid-Dipartiment tat-Taxxi, minflok ra kif għamel biex żied ir-rizorsi umani ħalli jitħaffu l-backlogs li hemm, bl-atteġġjament arroganti u l-bullying tiegħu, Joseph Caruana ġiegħel li jitilqu mid-Dipartment tat-Taxxi numru ta’ uffiċjali għolja ta’ livell li kellhom ħila, tagħrif u esperjenza kbira kemm fuq il-liġijiet tat-taxxa kif ukoll fuq l-Amministrazzjoni Pubblika.

Dan għas-sempliċi raġuni li dawn l-uffiċjali governattivi ma setgħux jissaportu aktar jaħdmu miegħu. U dan kollu l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jafu għax mhux darba li nġibditlu l-attenzjoni direttament, imma, skont is-sorsi infurmati li tkellmu magħna, għal xi raġuni dawwar wiċċu u s’issa ħalla lil Joseph Caruana jgħaffeġ waħdu mingħajr ma waqqfu… bir-riżultat li issa l-affarijiet qegħdin jeskalaw u mil-lum se jispiċċaw fil-ġurnali.

Jirriżulta fil-fatt, li saħansitra kien hemm ukoll rapporti lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar il-mod kif il-Kummissarju Joseph Caruana qiegħed jittratta lin-nies… fosthom bl-għajjat, bil-bullying u bit-theddid li spiss juża mal-uffiċjali li bl-esperjenza u t-tagħlim u l-korrettezza tagħhom kapaċi jdaħħluh minn but u joħorġuh minn ieħor mingħajr ma jintebaħ!

“Mid-dehra saret ukoll xi tip inkjesta interna u li r-rapport tagħha nżamm sigriet. Imbasta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħareġ manwal dwar il-bullying fl-uffiċċji imma mbagħad iħalli r-regoli jinkisru minn Kap ta’ Dipartiment bla ma jittieħdu l-passi neċessarji.

“Kien hemm rapporti dwar il-mod kif Joseph Caruana għal kull ħaġa ta’ xejn jhedded lill-uffiċjali bi trasferiment, bil-kelma “intajrek” il-ħin kollu fuq fommu. Dan it-theddid anke sar lil Diretturi u lil Assistenti Diretturi. U mhux l-ewwel darba li waqt xi laqgħa, Joseph Caruana kiser lil xi uffiċjal jew saħansitra keċċih ’il barra mil-laqgħa,” qalilna wieħed mis-sorsi infurmati li tkellem magħna.

Hu kompla li dan l-atteġġjament mhux aċċettabbli, speċjalment minn Kap ta’ Dipartiment li jaf tajjeb kif fl-aħħar ftit xhur biss id-Dipartiment tilef tliet Uffiċjali Pubbliċi Għolja li kellhom ħila, għarfien u esperjenza kbira kemm teknikament kif ukoll fl-amministrazzjoni u fl-infurzar tat-Taxxa.

Dawn l-uffiċjali telqu mid-Dipartiment tat-Taxxa għaliex ma setgħux ikomplu jaħdmu mal-Kummissarju tat-Taxxi Joseph Caruana li hu inkapaċi fis-suġġett. Tajjeb li wieħed japprezza li dan ix-xenarju żviluppa meta llum hu diffiċli li ssib riżorsi umani tal-livell ta’ dawn l-uffiċjali. “U dan il-Ministru Clyde Caruana dan jafu u baqa’ m’għamel xejn biex irażżan l-arroganza ta’ Joseph Caruana.”

Kollox jindika li Joseph Caruana tpoġġa fid-Dipartiment tat-Taxxa mill-Eks Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar li hu ħabib tiegħu. Tant li wara li rtira mis-Servizz Pubbliku Mario Cutajar, Joseph Caruana kien diġà talab lill-Ministeru tal-Finanzi biex jagħtih kuntratt ta’ Konsulent fid-Dipartiment bi ħlas mhux żgħir ta’ ’l fuq minn €50,000 fis-sena. U dan ma seħħx biss minħabba li kien hemm leak dwar dan il-kuntratt u Joseph Caruana kien imġiegħel ireġġa’ kollox lura malajr kemm jista’ jkun.

Però issa s-sitwazzjoni saret gravissima. Fil-fatt qegħda timmatura informazzjoni li dan l-aħħar, il-Kummissarju tat-Taxxi Joseph Caruana allegatament ta struzzjonijiet biex f’każ partikulari tinkiser il-liġi tal-VAT u ma jiġux applikati klawsoli tal-liġi dwar il-partial attribution.

Dan ikun ifisser li xi ħadd se jiġi aġevolat billi jingħata refużjonijiet tal-VAT meta m’għandux dritt għalihom. Jekk dan hu veru, allura dan hu reat serju minn Kap ta’ Dipartiment innifsu, għaliex l-ebda Kap ta’ Dipartiment ma jista’ jagħti struzzjonijiet biex liġijiet li jgħaddu mill-Parlament jinkisru sfaċċatament b’dan il-mod. U l-uffiċjali li jobdu ordnijiet li jmorru kontra l-liġi jistgħu huma wkoll jinstabu ħatja ta’ reat. Dan jikkawża wkoll kompetizzjoni inġusta fis-settur ekonomiku.

Dawn l-affarijiet qegħdin jinħbew biex ikomplu jinqdew persuni qrib ta’ dan il-Gvern. Sfortunatament, it-tattika biex jinħbew dawn l-affarijiet qegħda tkun li jsir ftaħir dwar l-ammonti li qed jiġbor id-Dipartiment tat-Taxxi.

Imma ftit jafu li dan id-dħul tat-taxxa hu primarjament mertu tax-xogħol tajjeb u serju li jagħmlu t-Tax Practitioners, li fil-maġġoranza assoluta tagħhom jinvestigaw huma stess lill-klijenti tagħhom minħabba l-liġijiet tal-ħasil tal-flus u liġijiet oħra ta’ infurzar, qabel jissottomettu r-returns bil-pagamenti tat-taxxa. U allura l-flus tat-taxxa jidħlu fid-Dipartiment waħidhom u mhux għax il-Kummissarju tat-Taxxi Joseph Caruana għamel xi ħaġa biex itejjeb il-proċessi. Anzi, il-proċessi qiegħed jieħdu ħafna fit-tul u dan hu ta’ inkwiet kbir għat-tax practitioners.

Infatti, kemm fl-industrija kif ukoll fil-qasam tal-professjoni tal-accountants u tax practitioners bħalissa hemm tħassib kbir dwar kif qegħdin jitmexxew l-affarijiet fid-Dipartiment tat-Taxxi. Ħafna qegħdin jilmentaw li mhumiex jinqdew għaliex ir-riforma li saret minn Joseph Caruana nnifsu biex ikun hemm merger bejn il-VAT u t-Taxxa falliet, għaliex illum ħadd ma jaf min hu responsabbli minn xiex.

Din hi problema li qed tħalli effetti kbar u koroh fix-xogħol tal-prattikanti tat-taxxa u fuq diversi setturi oħra. Qegħdin isiru lmenti dwar it-tul ta’ żmien biex jiġi konkluż audit, saħansitra jgħaddu s-snin qabel wieħed jirċievi xi risposta mid-Dipartiment tat-Taxxa dwar konklużjoni ta’ investigazzjoni.

Problemi serji oħra jeżistu dwar il-bilanċi ta’ taxxa li qegħdin joħorġu ħażin mis-sistema, oġġezzjonijiet tal-VAT li ma jittrattahom ħadd, aġġustamenti fil-pagamenti li ma jsirux filwaqt, u talbiet għall-gwida teknika mid-Dipartiment tat-Taxxa li jibqgħu mingħajr tweġiba.

Dan kollu qiegħed iżid ir-riskju li jintilfu klijenti u investiment li l-pajjiż tant għandu bżonn. Dan ikompli jżid mad-daqqa ta’ ħarta l-oħra kawża tal-fama kerha li ħadna minħabba l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern u n-nuqqas ta’ tħaris tal-liġijiet.

Dan mhux ħtija tal-impjegati tad-Dipartiment tat-Taxxa imma ħtija tal-inkompetenza u d-diżordni li ġab Joseph Caruana kemm meta għaqqad id-Dipartimenti tat-Taxxa f’dipartiment wieħed mingħajr ma ħaseb għal-loġistika, kif ukoll għall-fatt li qegħdin jitwarrbu jew jitilqu l-aħjar nies mid-Dipartiment tat-Taxxa biex f’ċerti pożizzjonijiet jitpoġġew nies tal-qalba, mhux fuq bażi ta’ kompetenza, imma fuq bażi ta’ kulur politiku. Jew agħar minn hekk, fuq bażi ta’ “min jista’ jaqdina l-aħjar”.