Fi Trinidad & Tobago l-ewwel atleti Maltin fl-azzjoni fil-Commonwealth Youth Games. Arja ta’ sodisfazzjoni fi ħdan il-kontinġent Malti mmexxi minn Maria Vella Galea chef de mission għall- Kumitat Olimpiku Malti.
Fil-Buccoo Beach Facility, fost 25 tri-atleta fil-kategorija tal-irġiel, fl-azzjoni Kai Azzopardi u Ryan Muscat. Wirja mill-aqwa minn Kai Azzopardi li kien pass ‘il bogħod mill-podju meta temm fir-raba’ pożizzjoni fi 30 minuta u 53 sekonda. Il-finali ntrebħet minn Luke Holmes ta’ Jersey f’29 minuta u 47 sekonda qabel Alex Robin tal-Iskozja u Jack Latham tal-Awstralja.
Ryan Muscat temm fis-17-il pożizzjoni fi 33 minuta u 29 sekonda.
Fl-istess ġurnata ta’ kompetizzjoni riżultat mill-aktar sodisfaċenti għal Keira Attard fit-triathlon meta temmet fil-11-il post fost 21 atleta. Attard għamlet ħin totali ta’ 36 minuta, 18-il sekonda. Il- kompetizzjoni ntrebħet minn Aspen Anderson tal-Awstralja fi 32 minuta u 53 sekonda qabel Jessica Heep tal-Iskozja u Maja Brinkmann ta’ Namibia.
//= $special ?>