Lokali

Għal 7 snin kien isewwi binjiet tal-housing

Għal 7 snin sħaħ – bejn l-2014 u l-2021 – il-kumpanija responsabbli mis-sit ta’ kostruzzjoni fejn tilef ħajtu ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia f’Kordin, kienet responsabbli wkoll minn xi xogħlijiet mwettqa fuq binjiet tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam xogħol ta’ manutenzjoni u anke strutturali.

Il-gazzetta MaltaToday żvelat li l-kumpanija Whitefrost Co Ltd, li sidha huwa Matthew Schembri – akkużat fost oħrajn bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia u b’falsifikazzjoni ta’ firem – ingħatat żewġ tenders lura fl-2018 sabiex twettaq xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-housing estate tal-Gvern f’Ta’ Giorni.

Wieħed mit-tenders kien ilaħħaq ‘il fuq minn €197,000 li wara kien saħansitra ġie rivedut u suċċessivament miżjud għal aktar minn €221,000.

Il-kumpanija ta’ Matthew Schembri kienet ukoll mqabbda biex tieħu ħsieb il-faċċata ta’ ‘Binja Msieraħ’ fl-Imtarfa fost oħrajn. Dan filwaqt li ingħataw tender ieħor mill-Gvern sabiex iċaqilqu xi strutturi perikolużi – tender li sewa aktar minn €83,000.

Dan filwaqt li ġie żvelat ukoll li kważi kull sena mill-2015 sal-2021 il-kumpanija Whitefrost ingħatat framework agreement għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-Gvern madwar Malta u Għawdex.

L-inkjesta Maġisterjali li tmexxiet mill-Maġistrat Marseann Farrugia kkonkludiet li l-kollass tal-binja li fiha tilef ħajtu Jean Paul Sofia kienet riżultat ta’ nuqqasijiet kbar fl-istruttura u xogħol magħmul ħażin. Għaldaqstant tali konklużjoni ċertament li qajmet diversi suspetti fuq ix-xogħol preċedenti li l-kumpanija ta’ Schembri kienet twettaq.

Fid-difiża tagħhom, l-Awtorità tad-Djar spjegat mal-MaltaToday li fl-2022 u fl-2023 il-kumpanija Whitefrost Co Ltd ma ngħataw ebda tender.

Iżda l-verita hi, li t-traġedja ta’ Kordin mhux l-ewwel inċident li wassal lil Schembri l-Qorti hekk kif lura fl-2021 huwa nstab ħati li naqas milli jiggarantixxi s-sigurta u sahha f’sit ta’ kostruzzjoni f’Ħal Qormi hekk kif minn spezzjoni mwettqa mill-OHSA instab li xi gallariji ma kellhomx ir-railings mitluba bil-liġi – b’Schembri jeħel €1,500 multa.

Dan filwaqt li fl-2022 Schembri kien akkużat li qabbad żewġt irġiel baranin biex iħebbu għall-eks kunjatu tiegħu f’Tas-Sliema – bi Schembri joħorġ fuq bail għal dawn l-akkużi.