Huwa evidenti li l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tistax tibqa tiddependi fuq iċ-cheap labour, u li hemm bżonn illi l-Gvern jibda jaħdem sabiex issir bidla illum qabel għada.
Huwa dan is-sentiment espress mill-editur tas-Sunday Times of Malta, illi fakkar kif il-Gvern għandu is-saħħa sabiex idawwar d-direzzjoni tal-ekonomija ta’ pajjiżna sabiex tinbidel f’waħda iżjed b’saħħitha u sostenibbli – dan għaliex il-mudell ekonomiku preżenti qed joħloq problemi kbar għall-familji, f’diversi aspetti ta’ ħajjitna.
L-editorjal jitfa’ dubji kbar fuq il-kwalità tat-tmexxija tal-membri tal-Kabinett… u n-nuqqas t’azzjoni min naħa tal-Ministri tkompli żżid mal-fatt li hemm kunflitt fl-opinjonijiet, u saħansitra ġlied intern.
Kien il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana illi kkumenta dwar il-bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna; waħda li ma tiddependix biss fuq l-industrija tal-kostruzzjoni u l-bini eżaġerat li kerraħ lil pajjiżna; element illi fl-aħħar snin affetwa il-kwalità tal-ħajja tal-poplu b’mod negattiv.
Il-bidla – li tant hi meħtieġa – probabbilment li se ġġib magħha reżistenza minn dawk li jibżgħu li ser jiġu affetwati. Bl-editur jisħaq illi l-urġenza li ssir bidla fil-mudell ekonomiku tibqa’ r-responsabbilità tal-Gvern sabiex jassigura futur aħjar. Dan għaliex il-pajjiż jeħtieġ sostennibilità fit-tul.
Il-unions u l-Korpi Kostitwiti – fosthom l-MEA – ilhom snin twal jappellaw lill-Gvern sabiex ifassal pjan konkret għall-pajjiż; pjan li jippreparana għall-isfidi tal-ġejjieni, fl-isfond taż-żieda fil-popolazzjoni. U fid-dawl tal-fatt li jekk il-mudell preżenti ma jinbidilx…il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex taf tisplodi għal 800,000 persuna.
//= $special ?>