Lokali

Id-domanda għall-kimoterapija f’pajjiżna żdiedet bit-tripplu

Fi żmien erba’ snin biss, il-pazjenti li jeħtieġu l-kimoterapija żdiedu bit-tripplu. Fil-fatt, l-għadd ta’ pazjenti li ngħataw l-għajnuna biex jirċievu t-trattament tal-kimoterapija żdied minn 245 pazjent fl-2018 għal 771-il pazjent fl-2022. U dan wassal biex l-ispiża żdiedet minn €8.5 miljun għal €19-il miljun fuq erba’ snin.

Kien fid-dawl ta’ dan, li kif inhi t-tradizzjoni, fl-ewwel Sibt ta’ Awwissu sar il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu fil-Palazz Verdala b’risq The Malta Community Chest Fund. Din kienet il-ħames u l-aħħar edizzjoni tal-ballu organizzata taħt il-Presidenza tal-President George Vella.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella radd ħajr lil kull minn attenda għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu
għax il-kontribut tagħhom huwa kruċjali biex il-Malta Community Chest Fund tkun tista’ tkompli tassisti lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna tagħha, fost oħrajn pazjenti li qed jingħataw il-kimoterapija.

Il-President qal li l-uffiċjali u l-ħaddiema tal-Malta Community Chest Fund huma s-sinsla tal-fondazzjoni u rringrazzjahom għad-dedikazzjoni u għall-impenn tagħhom biex jipprovdu l-aqwa servizz lill-eluf ta’ pazjenti.

“Il-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu sar avveniment li ħafna jkunu qed jistennew filwaqt li għamilha fil-kalendaru annwali ta’ pajjiżna,” qal il-President ta’ Malta. “Ta’ kull sena niltaqgħu hawnhekk b’ilbies eleganti b’għan nobbli – dak li nagħtu sostenn lil dawk kollha li jaħdmu għall-MCCF.”

Il-President esprima apprezzament għall-ħidma li wettaq iċ-Chairman tal-kumitat organizzattiv tal-Ballu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, biex dan l-avveniment, wieħed mill-akbar b’risq il-Malta Community Chest Fund, ikun suċċess. Irringrazzja wkoll lill-membri kollha tal-kumitat organizzattiv u lill-imsieħba u l-entitajiet għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata wkoll radd ħajr lill-kumpaniji u l-entitajiet kollha li bl-għajnuna tagħhom setgħet tittella’ edizzjoni oħra. Huwa rringrazzja lill-President ta’ Malta u lis-Sinjura Miriam Vella għall-appoġġ kontinwu tagħhom tul l-aħħar ħames edizzjonijiet tal-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu.

Fost dawk li attendew kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie Grech.

Ritratti: OPR