Internazzjonali

Il-Konflitt fl-Ukrajna: Kundanna sħiħa għal atroċità tal-gwerra oħra mir-Russja…

Il-President Volodymyr Zelensky u l-membri kollha tal-Gvern Ukren ingħaqdu f’kor ta’ kundanna għall-aħħar atroċità min-naħa tar-Russja – u fejn din id-darba, il-qawwiet tal-Kremlin użaw bomba b’sistema speċjali ta’ preċiżjoni għal attakk fuq ċentru tat-trasfużjoni tad-demm fl-inħawi lejn il-grigal tal-Ukrajna; attakk li fih mietu tal-anqas erba’, b’numru oħra ta’ persuni jisfaw midruba.

Ir-Russja sadanittant ma kkummentatx dwar l-attakk, b’Zelensky, f’messaġġ kommoss, jisħaq li l-attakk fuq dan iċ-ċentru u zoni ċivili oħrajn jindika l-vera skopijiet tar-Russi li, skont hu, ma jridux jieqfu mill-kampanja tat-terrur u aggressjoni.

Il-lokalità taċ-ċentru għat-trasfużjoni tad-demm tinsab fil-limiti ta’ Kupiansk, fir-reġjun ta’ Kharkiv.

Zelensky tenna li l-isforzi ta’ pajjiżu biex jegħleb lit-terroristi Russi huma kwistjoni ta’ unur għal kull min jirrispetta l-valur tal-ħajja.

Intant, ir-Russi, fl-aħħar xhur, ma waqfu qatt mill-bumbardamenti fuq Kupiansk u l-madwar u fejn qed jimmiraw ukoll fuq ir-residenzi taċ-ċivili.

Fl-aħħar sigħat kienu mistennija aktar stqarrijiet ta’ kundanna mill-pajjiżi tal-Punent fir-rigward tal-atroċità fuq iċ-ċentru għat-trasfużjoni tad-demm.

Dan ukoll meta l-Gvern Ukren qed jinsisti li Putin u sħabu fil-Kremlin iridu jħallsu għall-attakki indiskriminattivi ta’ kuljum fuq in-nisa, it-tfal u l-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà.