Lokali

Il-PN bi proposti għal aktar flus fil-but u ħajja aktar serena

"Il-Gvern ta' Robert Abela huwa Gvern tal-gideb"

“Mudell ekonomiku li rridu napplikaw huwa ibbażat fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-kwantità. Ħa nkomplu nimxu għal Malta li tattira l-kwalità u standards.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu fuq Net Fm il-Ħadd filgħodu.

Bernard Grech saħaq li l-mudell ekonomiku li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista tista’ taqla’ iktar flus milli diġa’ qed taqla’ iżda wkoll tkun qed tgħix ħajja serena f’pajjiżna stess. Dan fost oħrajn b’reviżjoni fil-COLA u inċentivi fiskali li l-familji Maltin u Għawdxin tant għandhom bżonn

“Il-mudell ekonomiku mhux biss tajjeb meta tagħmel il-flus iżda meta tista’ tgħix b’mod diċenti,” qal Bernard Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem fuq l-iktar sitwazzjonijiet li qed jaffetwaw direttament lill-poplu Malti u Għawdxi, sitwazzjonijiet li kull Maltin u Għawdxi qed jgħixu ta’ kuljum.

“Ma nistgħux nibqgħu niddependu biss fuq mudell ekonomiku li jżied il-popolazzjoni,” qal Bernard Grech.

Fid-dawl tal-gideb li membri tal-Gvern, inkluż Robert Abela, li nqabdu fihom mill-poplu Malti u Għawdxi, Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista qed jinxef mis- soluzzjonijiet.

“Il-poplu qed jirrealizza li l-politika ta’ Abela mhix se tigverna lil pajjiżna għall-aħjar,” qal Bernard Grech.

Huwa sostna li l-poplu Malti u Għawdxi issa ilu żmien twil jagħmel sforz biex itejjeb lil pajjiżna iżda Abela qed jispiċċa jarmi dan kollu.

“Għandna bżonn Prim Ministru li jiddefendi liż-żgħir,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar għal futur san għall-familji Maltin u Għawdxin.

“Biex nimxu ‘l quddiem irid ikollna prijoritajiet ċari,” qal Bernard Grech. “Il-prijoritajiet tal-poplu dejjem kienu fuq quddiem tal-politika tagħna. Il-familja tibqa’ n-nukleu ta’ soċjetà li tista’ tikber u tibqa’ miexja ‘l quddiem.”