Il-Partit Nazzjonalista ma jridx li fil-pajjiż ikun hawn pensjonanti tal-ewwel klassi u oħrajn tat-tieni klassi.
Id-Deputat Nazzjonalista David Agius, li hu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għar-rigward tal-Politika Soċjali, tenna dan f’intervista ma’ Il-Mument li fiha tkellem dwar l-importanza li l-anzjani kollha fil-pajjiż ikollhom il-pensjoni li tixirqilhom biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ serħan u mingħajr tbatija bla bżonn wara dak kollu li jkunu taw lil pajjiżna tul ħajjithom kollha.
David Agius irrifera għal-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali Anzjani (KNA) organizzata lejn tmiem ix-xahar l-ieħor u qal li f’din il-laqgħa diversi esponenti ta’ organizzazzjoni tal-anzjani urew it-tħassib tagħhom, u f’xi każi anke il-korla, dwar ir-riforma tal-2007 li mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla jibdew joħorġu l-ewwel pensjonijiet kif jirriżultaw minn din ir-riforma.
David Agius qal li jirriżulta li waqt din il-laqgħa, il-Ministru tal-Politika Soċjali Michael Falzon wiegħed li fil-baġit li ġej se jittieħdu l-ewwel miżuri biex jitnaqqas id-distakk bejn il-pensjonijiet ta’ qabel u wara l-1962.
Bħalissa fost l-anzjani li jikkwalifikaw għall-pensjoni taż-żewġ terzi qed tbaqbaq il-kwestjoni ta’ pensjoni ogħla għal dawk li twieldu wara l-1962. Din il-problema hi r-riżultat tar-riforma fil-pensjonijiet li saret liġi fl-2007 u li permezz tagħha sar diversi tibdil.
Hu kompla li dan it-tibdil jinkludi li l-pensjoni flok ta’ 61 tibda tittieħed ta’ 65 sena. Minflok 30 sena bolol wieħed irid jilħaq 40 sena bolol biex jieħu pensjoni sħiħa. Li minflok 10 snin bolol biex wieħed jikkwalifika issa se jkollu bżonn 12-il sena bolol, li l-ogħla rata ta’ bolla li qiegħda titħallas minn dawk li twieldu wara l-31 ta’ Diċembru 1961 mill-2011 telgħet €51.60 fil-ġimgħa filwaqt li dawk li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1962 iħallsu €39.28 fil-ġimgħa u li filwaqt li din is-sena l-ogħla pensjoni taż-żewġ terzi hi ta’ €261.84 fil-ġimgħa, dik għal dawk li twieldu mill-1 ta’ Jannar 1962 ’l quddiem hi ta’ €343.73.
Ir-riforma tal-pensjonijiet bdiet fl-2007 u kellha tkun riveduta kull ħames snin. Dakinhar il-Gvern kien ta ż-żmien kollu biex anke din ir-riforma tkun aġġornata.
David Agius fisser li l-ewwel reviżjoni kellha ssir fl-2010 u wara kull ħames snin. Dan għaliex f’ħames snin jiġru ħwejjeġ li ebda politiku mhu kapaċi jipprevedi. Ifisser li l-Gvern preżenti kellu l-opportunitajiet kollha li jirrevedi dak li seħħ fl-2007 biex filwaqt li dawk il-ħaddiema li llum qed iħallsu ħafna iktar f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jkollhom pensjoni ogħla meta jiġu biex ikunu pensjonabbli, fl-istess waqt l-pensjonanti kollha li jieħdu pensjoni tat-taparsi żewġ terzi jirċievu pensjoni adegwata li tagħmel tajjeb għaż-żieda qawwija fl-inflazzjoni li qed tiekol id-dħul tal-pensjonanti kif juru ferm tajjeb in-numru tal-anzjani fil-faqar u fir-riskju tal-faqar li qed jiżdiedu kull sena.
Hu fisser li prova oħra ta’ kemm il-ħajja qed togħla għall-pensjonanti iktar milli qed togħla għal setturi oħra tal-popolazzjoni, tawielna Caritas Malta fi studju li ppubblikaw f’dawn il-jiem li minnu ħareġ li bejn Lulju tal-2020 u llum, l-agħar li marru mill-għoli tal-ikel u l-mediċini kienu l-anzjani.
Jirriżulta li f’dan il-perijodu l-ikel għal koppja anzjana għoliet b’29 fil-mija – minn €3,300 għal €4,300. Il-mediċini u l-kura għas-saħħa għolew b’45 fil-mija.
Kif jista’ anzjan biż-żieda li jingħata jlaħħaq ma’ dan il-għoli tal-prezzijiet?
Hu hawnhekk fejn tidħol il-ħtieġa li r-riforma tal-pensjonijiet taż-żewġ terzi tiġi aġġornata.
Mistoqsi dwar il-Programm Elettorali tal-PN, David Agius fisser li l-PN diġà ħaseb għal din l-eventwalità meta fil-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali 2022 wiegħed li: “Nimplimentaw Pakkett għall-Pensjonijiet biex nindirizzaw diversi inġustizzji li għadhom ma ssolvewx sal-lum u li saħansistra qed jixħtu lill-pensjonanti fir-riskju tal-faqar jew saħansitra fil-faqar.
“Dan billi: Naraw li l-mekkaniżmu ta’ 70/30, li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1961, ikun jitħaddem għall-pensjonanti kollha.”
David Agius kompla li din hi t-tweġiba tal-PN għall-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pensjonanti ta’ qabel Diċembru 1961.
“Aħna tal-PN ma rridux li l-pensjonanti li jikkwalifikaw għall-pensjoni taż-żewġ terzi jinqasmu f’pensjonanti tal-ewwel klassi u pensjonanti tat-tieni klassi.
“Darba qed nitkellmu dwar il-pensjonijiet tajjeb li ma nħallux iktar min ibella’ lill-anzjani li gvernijiet Nazzjonalisti m’għamlu xejn għall-pensjonanti. Għall-kuntrarju għamlu iktar minn ħaddieħor. Pensjoni tliet darbiet iktar mill-għoli tal-ħajja.”
Hu qal li l-PN fil-Gvern fl-1987 sab quddiemu friża fuq il-pensjonijiet li kienet ilha fis-seħħ mill-1981. Din qatalha rasha mill-ewwel meta mill-ewwel sena beda jżid lill-pensjonanti iktar milli ogħla l-ħajja. Sal-1997, jiġifieri fl-ewwel għaxar snin tal-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami, il-pensjoni tal-irtirar kienet żdiedet bi 84.1 fil-mija; il-pensjoni tar-romol żdiedet b’118.7 fil-mija, dik tal-invalidità b’102.9 fil-mija u dik tad-diżabbiltà b’75.9 fil-mija.
Fl-istess perijodu l-inflazzjoni għoliet bi 30 fil-mija u għalhekk il-pensjonanti kellhom dħul it-tripplu u iktar milli għoliet il-ħajja bir-riżultat li setgħu jgħixu ħafna aħjar.
Barra minn hekk taħt il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi mill-1 ta’ Jannar 2008 il-pensjonanti kollha bdew jingħataw iż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja flok iż-żewġ terzi li kienu jingħataw qabel.
Fl-2012 Gvern Nazzjonalista introduċa l-għotja ta’ €300 fis-sena lill-anzjani li għalqu t-80 sena u li jgħixu fi djarhom jew mal-familja.
David Agius qal li minn din il-miżura bbenefikaw kważi 12,000 anzjan u anzjana li biż-żieda għall-għoli tal-ħajja kull anzjan ’il fuq minn 80 sena kellu aktar minn €10 fil-ġimgħa żieda.
Il-PN lill-anzjani dejjem tahhom dak kollu possibbli biex jgħixu aħjar. Flimkien maż-żidiet fil-pensjonijiet tahom diversi servizzi biex ikunu jistgħu jgħixu aħjar fi djarhom u fil-kumdità. Tahom ukoll id-dinjità. Bnilhom djar fejn joqogħdu. Djar li l-Gvern preżenti qed iwaqqa’ flok jibni iktar malli kien hemm.
Il-PN ma jridx pensjonanti tal-ewwel u t-tieni klassi. Ir-riforma li bdiet isseħħ fl-2007 mhix “written in stone”. Għalhekk kellha tiġi riveduta kull ħames snin. Għalhekk fil-Programm Elettorali tal-2022 wegħedna li l-mekkaniżmu ta’ 70/30, li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara l-31 ta’ Diċembru tal-1961, ikun jitħaddem għall-pensjonanti kollha, temm David Agius filwaqt li sellem lil Joe Zahra, il-President tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) għall-ħidma sfieqa li qed iwettaq fi ħdan l-APAN.
//= $special ?>