Il-Papa Franġisku għalaq l-impenji għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ b’quddiesa għall-massa tad-devoti li ħonqu kull rokna tal-Parque Tejo fil-limiti tal-kapitali Portugiża Lisbona. Il-ħamest ijiem impenjattivi għall-Papa fil-Portugall kienu wkoll l-ewwel attività għall-Kap tal-Kattoliċi barra l-Vatikan mindu hu kellu jgħaddi minn proċess tal-kirurġija f’Ġunju li għadda.
Madwar 1.5 miljuni kienu preżenti għall-quddiesa finali ta’ dan l-avveniment speċjali għaż-żgħażagħ Kattoliċi – u wara li eluf kienu kampjaw barra fl-inħawi tal-Parque Tejo biex ma jitilfux minuta ta’ dan l-avveniment memorabbli.
Fid-diskors tiegħu waqt il-quddiesa,il-Papa ħeġġeġ biex iż-żgħażagħ u d-devoti l-oħra preżenti ma jaqtgħux qalbhom mill-ħajja u biex huma jistinkaw sakemm jirrealizzaw il-ħolm u l-ambizzjonijiet tagħhom.
Il-Papa tenna li persuna għandha tinsisti fit-triq li tkun għażlet mingħajr il-biża’ ta’ falliment, u biex il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ u oħrajn li ġejjin warajhom jingħaqdu fi proċess ta’ tiġdid li minnu jibbenefikaw is-setturi kollha tas-soċjetà.
Il-Kap tal-Kattoliċi, f’dan il-punt, indirizza speċifikament liż-żgħażagħ u faħħarhom talli huma jridu jibdlu lid-dinja waqt li jaħdmu għall-paċi u l-ġustizzja’. Hu temm id-diskors b’appell imqanqal u enfatiku li d-dinja u l-Knisja Kattolika għandhom bżonn liż-żgħażagħ u l-valuri li jħaddnu daqskemm hi meħtieġa x-xita għall-kultivazzjoni tal-artijiet tagħna.
Dan il-messaġġ intlaqa’ b’entużjażmu kbir mill-mijiet tal-eluf preżenti fil- Parque Tejo u li baqgħu hemm sa ħafna wara minkejja t-temperaturi ta’ aktar minn 40 gradi Celsius.
Intant, iż-żgħażagħ barranin fil-Portugall temmew din l-esperjenza ferrieħa fuq l-aqwa nota possibbli wara li li huma parteċipaw bis-sħiħ f’dan il-jamboree jew festival għaż-żgħażagħ Kattoliċi…Festival li bbaża fuq diversi avvenimenti kulturali, reliġjużi u ta’ divertiment għal kulħadd.
Ħafna miż-żgħażagħ li kienu intervistati faħħru d-determinazzjoni tal-Papa li qed ikompli bil-vjaġġi barra l-Vatikan fl-età ta’ 86 sena minkejja li jinsab fi stat tas-saħħa fraġli għall-aħħar.
Fl-istess ħin, il-Papa deher li rnexxielu jqajjem l-entużjażmu mill-ġdid fost iż-żgħażagħ preżenti fil-Portugall u fi żmien meta l-Knisja qed tiffaċċja l-isfidi sinifikanti – fosthom żieda fis-sekulariżmu u l-iskandli assoċjati mal-abbuż ta’ minorenni u persuni vulnerabbli mill-uffiċjali ewlenin tagħha, il-qassisin u l-lajċi.
L-avveniment tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss għandu jsir f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel, bil-Knisja diġà qed tippjana għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet futuri.
//= $special ?>