Lokali

Inkwetati dwar il-problema tad-droga fil-Marsa

F’kummenti lill-gazzetta Illum, is-Sindku Laburista tal-Marsa Josef Azzopardi esprima l-inkwiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-droga u tal-vandaliżmu li qed teskala fil-Marsa… b’mod partikolari mal-pont li nbena ftit tax-xhur ilu fin-naħa tal-bypass. Bis-Sindku jgħid illi minkejja li huma bħala Kunsill imħassbin dwar dak li qed jiġri f’din iz-zona, ftit għandhom saħħa li jwettqu infurzar.

F’din iż-żona, fl-aħħar ġimgħat, insabu numru ta’ siringi u affarijiet oħra relatai mal-abbuż tad-droga. Dan apparti il-vandaliżmu li kien sar fuq il-lift tal-pont.

Il-Marsin qed jgħidu li din mhix sitwazzjoni ġdida, u jinsabu ferm imħassbin dwar is-sigurtà f’din iż-żona.

Filmati u ritratti ppublikati mir-residenti stess fuq il-media socjali kixfu kif nies dehru jixtru d-droga – saħansitra matul il-ġurnata, kif ukoll mara tipprepara biex tieħu d-droga. Dan apparti ritratti ta’ nies reqdin barra.

L-anzjani residenti viċin dan il-post sostnew li qegħdin jibżgħu joħorġu barra minħabba dak li qed jiġri. U minkejja li l-Pulizija sostnew li kontinwament jagħmlu r-rondi fiz-zona, il-problema għadha tippersisti.

Fuq kumment fuq Facebook, il-Kelliem tal-PN għall-Gvern Lokali Darren Carabott innota kif din is-sitwazzjoni hi parti minn problema akbar li pajjiżna qiegħed fiha, u fakkar kif il-PN kien ippropona żieda finanzjarja għall-Gvernijiet Lokali sabiex ikun hemm aktar sigurtà u nfuzar tal-liġi.

Darren Carabott stqarr illi minkejja li l-Pulizija u diversi ħaddiema fl-aħħar jiem ħadu azzjoni u naddfu z-zona fejn hemm il-pont, jeħtieġ illi dan l-abbuż jieqaf għalkollox, u li min qed imexxi d-droga jinsab u jingħata l-għajnuna mill-aktar fis possibli.