Matul il-ġimgħa li għaddiet ħalliena ħesrem Michael Treeby, xandar pereċċellenza tal-mużika Taljana li sa mill-bidu ta’ Radio 101 fl-1991 dejjem żamm l-appuntament mal-mużika Taljana. Kien il-produttur u preżentatur ta’ Italomix li kellu ħafna segwaċi. Michael li kellu karriera twila ta’ għalliem tat-Taljan u l-Ġografija, kien raġel serju, ġentlom u ma kienx joqgħod kwiet quddiem l-inġustizzji.
Michael Treeby kien espert tal-mużika Taljana. L-analiżi deskrittiva u analitika ta’ Sanremo fuq dawn il-ġurnali kienet tkun elaborata li jaf sew ix-xenarju. Kien iħobb dak kollu li hu Taljan: mill-kultura u l-lingwa, sal-futbol u t-tim li ssaportja, l-Inter.
Fuq ir-radju 101 tul is-snin ġieli preżenta programmi oħra, fosthom Klassifika Italia, Mare Mare, Sabato Sera, Nomi e Cognomi, u anke għal xi żmien ippreżenta l-breakfast show ta’ nhar ta’ Ħadd.
Il-Ħadd li għadda smajt l-aħħar programm tiegħu, dik il-vuċi ċara bi pronunzja tat-Taljan impekkabbli u għażla ta’ kanzunetti tajba sew minn dawk preżenti kif ukoll lura fiż-żmien.
Ma’ Michael Treeby ġieli ħbatna wiċċ imb wiċċ fl-istudio ta’ Net FM qabel jew wara r-recording tal-programm tiegħu. Iltqajna kemm-il darba waqt xi kunċert ta’ artist Taljan li hu ma kienx jitlef wieħed minhom. U barra l-kunċerti, ma’ Michael kont niltaqa’ waqt xi konferenza għall-aħbarijiet. Il-mistoqsijiet tiegħu kienu jkunu maturità u għarfien kbir tax-xenarju u l-industrija mużikali Taljana.
Għandi memorji sbieħ ta’ ħafna minhom, fosthom dik ta’ Al Bano f’kafeterija fil-Ħamrun, fi preżenza ta’ ħbieb oħra kollegi minn stazzjonijiet oħra – Twanny Scerri u Karm D’Amato – kif jidher fir-ritratt.
Bosta kienu dawk li sellmu l-memorja tiegħu, minn xandara li ħadmu miegħu fil-qrib sew fix-xandar, kif ukoll fl-edukazzjoni, ħbieb u segwaċi tal-programm. Għażilt wieħed partikolari, dak ta’ Joe Julian Farrugia: “Konna ġirien, faċċata u dejjem għand xulxin… inħobbu l-festi… inħobbu l-futbol għalkemm kontra xulxin… inħobbu l-mużika, u lil Michael insejjaħlu awtorità fil-mużika Taljana (il-bniedem li introduċieli lil Franco Battiato kmieni fis-snin 80). Kont miegħu r-Raffles meta ltqajt mal-mara… u t-tnejn xandara… irnexxielna ndoqqu darba biss flimkien… u xorta għadni ma rridx nemmen. Dejjem irrispettajna lil xulxin… ħafna, anki fejn ma konniex naqblu… Michael… xi darba nerġgħu niltaqgħu… u diġa naf x’diski se ndoqqu.”
Illejla fis-7pm, proprju fl-istess ħin li kien jixxandar Italomix, Net FM se jsellem il-memorja ta’ Michael Treeby. Charles Saliba u Eric Montfort se jippreżentaw dan il-programm bis-sehem ukoll tas-semmiegħa li huma mistiedna jċemplu biex ifakkru l-memorja ta’ dan ix-xandar bravu li ħabb il-mużika Taljana.
Minn hawn nagħti l-kondoljanzi lill-familja u l-qraba ta’ Michael Treeby.
//= $special ?>