Lokali

Jinstabu 97kg kokaina moħbija fuq vapur fil-Port Ħieles

Il-valur tad-droga tiżboq il-€11,000,000

Madwar 97 kilogramma kokaina, għal valur li jiżboq il-11-il miljun ewro… ġiet interċettata grazzi għall-ħidma konġunta bejn il-Pulizija u uffiċjali tad-Dwana.

Is-sejba saret fuq vapur tal-merkanzija li kien għadu kemm daħal fil-Port Ħieles il-Ħadd filgħodu meta fuq spezzjoni għall-għarrieda minn bugħaddasa ta’ kumpanija tas-sigurtà…mqabbda mill-aġenti tal-istess vapur kien innutat li f’kompartament fil-qiegħ tal-vapur kien hemm oġġetti suspettużi moħbija.

Wara li saret aktar spezzjoni intensiva kienu innotati numru kbir ta’ pakketti mgeżwrin fil-plastik.

Minnufih ġew infurmati l-awtoritajiet konċernati, bil-pakketti jittellgħu l-art, fejn irriżultaw li kienu mimlija bil-kokaina – bil-valur fis-suq ikun aktar minn €11-il miljun.

Il-vapur huwa rreġistrat il-Portugall u telaq mill-Port ta’ Colon, fil-Panama u kien fi triqtu lejn il-Port ta’ Gioia Tauro – f’Reggio Calabria fl-Italja.

Għaldaqstant ma jidhirx li d-droga kienet fil-mira li titqassam fis-suq lokali.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Rizzo li qed tmexxi inkjesta.