“Nemmen li Robert Abela għandu jieħu l-verdett tat-tesserati – li jħalli t-tesserati jivvutaw u juru l-fehma tagħhom”
Hekk sostna l-eks Deputat Mexxej tal-Labour Joe Brincat hekk kif f’artiklu fuq il-gazzetta “it-Torċa” bi Brincat jinsisti li Abela għandu jieħu vot ta’ kunfidenza.
Dan l-appell jasal wara diversi allegazzjonijiet, qatt miċħuda, li Robert Abela qiegħed jaffaċċja kriżi interna fil-leadership tiegħu – bi Brincat jisħaq li mhux għaqli li l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla jinbidlu f’Referendum dwar jekk il-Laburisti jridux lil Abela jew le.
Joe Brincat sfida lil Abela jieħu dan il-vot – iżda tant kemm hija reali l-kriżi li għandu li Brincat qed jgħidlu li dan il-vot iservi ta’ opportunità sabiex surrealment il-mexxej jikkampanja għas-simpatija qalb il-Laburisti – fatt li storikament fi ħdan il-Partit Laburista huwa mingħajr preċedent.
Fl-aħħar jiem, Joe Brincat tefa pressjoni fuq Robert Abela sabiex jagħmel u-turn oħra, ċioè li jerġa’ jdaħħal lil Rosianne Cutajar lura fil-Partit Laburista.
Dan hekk kif Brincat ma qabilx mal-mod kif Abela tratta lil Cutajar.
Issa, wara din il-pressjoni, Brincat qiegħed jisfida lil Robert Abela imur għal vot tat-tesserati wara li mis-surveys riċenti ħareġ fil-beraħ li l-popolarità tal-Mexxej Laburista qiegħda tonqos mal-poplu Malti u Għawdxi.
