Lokali

L-anomalija dwar il-pensjoni taż-żewġ terzi – Il-PN irid pakkett ġdid għall-inġustizzji li għadhom ma ssolvewx

Il-Partit Nazzjonalista identifika l-anomalija li nħolqot fil-pensjonijiet taż-żewġ terzi ta’ qabel u wara l-1 ta’ Jannar tal-1962. Mhux issa għax qamet il-kwestjoni iżda fil-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 iddikjara li Gvern ġdid Nazzjonalista jimplimenta pakkett għall-pensjonijiet biex ikunu indirizzati l-inġustizzji li għadhom ma ssolvewx. Dan billi jara li l-mekkaniżmu ta’ 70/30, li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara l-31 ta’ Diċembru tal-1961, ikun jitħaddem għall-pensjonijiet kollha.

Dan qalu Joe Zahra, il-President il-ġdid tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN) meta aktar kmieni din il-ġimgħa tkellimna dwar diversi aspetti li jolqtu mill-qrib lill-istess Assoċjazzjoni kif ukoll dwar is-settur tal-anzjani fil-gżejjer Maltin.

It-test sħiħ tal-intervista ma’ Joe Zahra hu:

Fit-18 ta’ Mejju li għadda int inħtart President tal-Assoċjazzjoni Pensjonanti Anzjani Nazzjonalisti. Fiex tikkonsisti l-ħidma tal-APAN u kemm ilha mwaqqfa?

L-APAN twaqqfet fid-29 ta’ Ottubru tal-1989 meta saret l-ewwel Laqgħa Ġenerali tagħha. Dakinhar inħatar Lino Battistino bħala President. L-iskop tal-APAN dejjem kien li tħares l-interessi tal-pensjonanti u l-anzjani. Dak hu li għamlet tul l-34 sena li ilha mwaqqfa.

Kull membru tal-Partit li għalaq is-sittin sena jista’ jkun fl-APAN. Dan ipoġġi fuq l-APAN responsabbiltà kbira għaliex fil-pajjiż hawn iktar minn 130,000 persuna li għalqu s-sittin sena.

Fil-ħidma tagħna nippruvaw nilħqu kemm nistgħu pensjonanti u anzjani. Dan nagħmluh permezz ta’ laqgħat ma’ personalitajiet sew politiċi u kif mhux politiċi fejn nintervistawhom u wara, dawk l-anzjani preżenti jkunu jistgħu jistaqsuhom dwar is-suġġetti ttrattati. Dan nagħmluh kull xahar. Kif kull xahar norganizzaw attivitajiet kulturali. Għandna wkoll il-paġna tagħna fil-ġurnal In-Nazzjon u ma ndumux ma jkollna programm fuq ir-radju.

Qed naħsbu wkoll li norganizzaw laqgħat mal-anzjani fid-diversi każini tal-Partit. Il-lista ta’ dak li norganizzaw hi waħda twila. U qed nagħmlu minn kollox biex tkompli titwal.

Barra dan kollu jkollna diversi laqgħat mad-direzzjoni tal-Partit fejn niddiskutu problemi attwali li minnhom ikunu għaddejjin l-anzjani u l-pensjonanti, u l-linja li għandna nieħdu.

Issa li qiegħed fl-APAN, kif tħossok fost l-anzjani?

Mistoqsija interessanti! Fl-1 ta’ Settembru tal-1958, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista xolja ż-“Żgħażagħ Nazzjonalisti Maltin”. Fid-19 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena kienet issejħet l-ewwel laqgħa ġenerali tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN), li hi l-eqdem fergħa tal-Partit Nazzjonalista.

Kien inħatar President l-Avukat Mario Felice u Segretarju Nazju Azzopardi. Jien isseħibt fi ħdan l-MŻPN ftit wara u sussegwentament ilħaqt Segretarju wara Nazju Azzopardi.

Fl-1970 kont nippreżenta l-MŻPN fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Illum, 53 sena wara, qed nirrappreżenta lill-APAN fl-istess Eżekuttiv. Dan hu ċiklu li minnu jgħaddi l-bniedem. Ikun żagħżugħ, jikber, u jekk Alla jagħtih l-għomor, jixjieħ.

Jien kelli x-xorti li fl-aħħar 65 sena rajt u kkontribwejt biex il-Partit Nazzjonalista jikber u jissaħħaħ. Lill-Partit Nazzjonalista rajtu iktar jirbaħ milli jitlef. Issa rridu naħdmu flimkien biex nergħu nirbħu.

Kif inħossni fost l-anzjani? X’taħseb? Qiegħed fejn suppost inkun. Naħdmu fost iktar minn 50,000 votant Nazzjonalista biex mhux biss infakkruhom x’għamlu gvernijiet Nazzjonalisti għalina l-anzjani, iżda x’għandna nagħmlu llum anke mill-Oppożizzjoni. U x’nemmnu li nistgħu nagħmlu biex l-anzjani jkunu aħjar darba nkunu mill-ġdid fil-gvern. Il-ħajja hija ċiklu. Titwieled, tikber, tixjieħ.

In-numru ta’ anzjani fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar qed jiżdied. X’qed iwassal għal din is-sitwazzjoni?

Skont l-aħħar stħarriġ ‘EU-SILC-2022’, 31,586 ta’ dawk li għandhom iktar minn 65 sena, jew 33.3 fil-mija (terz), kienu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Din kienet żieda ta’ 3.4 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel.

L-ikbar raġuni għal dan hi l-għoli tal-ħajja. Iż-żieda li qed tingħata lill-anzjani mhix biżżejjed biex tlaħħaq mal-għoli tal-prezzijiet. Inutli li l-Gvern jiftaħar li lill-anzjani tahom €12 fil-ġimgħa żieda jekk l-ikel u l-mediċini għolew ferm iktar mis-sebgħa fil-mija li juri l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut. Għaliex fl-istess waqt li l-inflazzjoni tiżdied b’sebgħa fil-mija, il-prezz tal-ikel jiżdied b’iktar minn tnax fil-mija.

Studju li sar dan l-aħħar minn Caritas Malta juri li l-iżjed li qed jintlaqtu mill-għoli tal-ħajja huma l-anzjani. Bejn Lulju tal-2020 u Frar ta’ din is-sena l-ikel għal koppja anzjana għola minn €3,300 fis-sena għal €4,270 – jew bi 30 fil-mija. Il-mediċini u l-kura tas-saħħa għall-koppja anzjana żdiedet b’€50 fix-xahar jew b’45 fil-mija.

Dan qed nitkellmu biss fuq żewġ items li jagħmlu l-qoffa tal-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut. Żewġ items li bejniethom huma tletin fil-mija tal-qoffa kollha. Għalhekk in-numru ta’ anzjani fil-faqar u fir-riskju tal-faqar qed jiżdied. Iż-żidiet li qed jingħataw anqas jagħmlu tajjeb biss għaż-żieda fil-prezz tal-ikel u l-mediċini u l-kura tas-saħħa, aħseb u ara għal affarijiet u servizzi oħrajn.

Allura x’tipproponu li jsir biex dan ma jibqax iseħħ?

Hemm ħafna x’jista’ jsir. Ħalli qabel xejn nifhmu aħjar x’qed jiġri. Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja tingħata din is-sena għas-sena l-oħra. Is-sistema taħdem diment li ma jkunx hemm inflazzjoni qawwija.

Hekk pereżempju, jekk is-sena l-oħra l-ħajja għoliet bi tlieta fil-mija l-pensjonanti jingħataw żieda ta’ tlieta fil-mija. Iżda jekk matul din is-sena l-ħajja kompliet togħla għal seba’ fil-mija l-istess anzjan jrid jistenna sas-sena d-dieħla biex jieħu d-differenza bejn it-tlieta u s-sebgħa fil-mija.

Barra minn hekk, min ma jkollux ħafna x’jonfoq l-ewwel ħaġa li jonfoq fuqha hu l-ikel u meta l-ikel jogħla d-doppju tar-rata tal-inflazzjoni, allura l-anzjan irid jonfoq iktar fuq l-ikel u hekk jiċċaħħad minn affarijiet oħra.

Fost il-miżuri li qed nipproponu aħna hemm li jkun hemm indiċi tal-prezzijiet għall-anzjani biss. Indiċi li jirrifletti l-bżonnijiet tal-anzjani. Li mhumiex l-istess bħal dawk ta’ sezzjonijiet oħra tal-popolazzjoni.

Miżuri oħra li qed nipproponu hi li f’ċirkostanzi bħal dawk li minnhom qed ngħaddu llum fejn l-inflazzjoni hi għolja ħafna, iż-żidiet flok darba fis-sena jingħataw iktar spiss. Pereżempju kull sitt xhur.

Problema li qamet dan l-aħħar hi l-pensjonijiet taż-żewġ terzi għal dawk li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara l-1962. X’qed jiġri verament u x’qed tipproponu li għandu jsir?

Skont riforma li daħlet fis-seħħ fl-2007 – u li kellha tkun aġġornata kull ħames snin – biex persuna jieħu pensjoni sħiħa flok 35 sena bolol irid jilħaq erbgħin sena bolol; biex wieħed jikkwalifika għall-pensjoni minflok għaxar snin bolol irid ikollu tnax-il sena bolol.

Fl-istess waqt ir-rata tal-kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali għal dawk li twieldu wara il-31 ta’ Diċembru 1961 telgħet għal €51.60 fil-ġimgħa minn €39.28 li jħallsu dawk li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar tal-1962. Differenza ta’ €12.32 fil-ġimgħa jew żieda ta’ 31.36 fil-mija. Għal dawn, il-pensjoni ta’ żewġ terzi ser togħla minn €261.84 fil-ġimgħa għal €343.73 fil-ġimgħa – żieda ta’ 31.27 fil-mija.

Il-Partit Nazzjonalista identifika din l-anomalija mhux illum iżda żmien ilu. Tant li fil-Programm Elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2022 iddikjara li Gvern ġdid Nazzjonalista jimplimenta pakkett għall-pensjonijiet biex ikunu indirizzati l-inġustizzji li għadhom ma ssolvewx. Dan billi “naraw li l-mekkaniżmu ta’ 70/30, li qed jintuża bħalissa għaż-żieda lill-pensjonanti mwielda wara l-31 ta’ Diċembru tal-1961, ikun jitħaddem għall-pensjonijiet kollha.”

Permezz ta’ din is-soluzzjoni ma jkunx hawn pensjonanti li jikkwalifikaw għal pensjoni taż-żewġ terzi tal-ewwel klassi u tat-tieni klassi.

Fi stqarrija li ħriġna bħala APAN aktar kmieni dan ix-xahar, għidna ċar u tond li “filwaqt li jifhem li dawk il-ħaddiema li llum qed iħallsu ħafna aktar f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għandu jkollhom pensjoni ogħla meta jkunu pensjonabbli, il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-pensjonanti kollha li jieħdu pensjoni taparsi taż-żewġ terzi, għandhom jirċievu pensjoni adegwata li tagħmel tajjeb għaż-żieda qawwija fl-inflazzjoni li qed tiekol id-dħul tal-pensjonanti.”

Il-Laburisti spiss jgħidu li gvernijiet Nazzjonalisti kienu jagħtu biss iż-żieda għall-għoli tal-ħajja u xejn iżjed. Kemm hu veru dan?

Il-Laburisti għandhom il-mod kif dak li jagħmlu ħażin huma jitfgħuh fuq ħaddieħor u dak li jagħmel tajjeb ħaddieħor jagħmluh tagħhom. Hekk qed jagħmlu dwar il-pensjonijiet.

Kien Gvern Laburista ta’ bejn l-1981 u Mejju 1987 li daħħal il-pensjonijiet fil-friża. Għal iktar minn ħames snin il-pensjonanti ma ngħataw ebda żieda. Tela’ Gvern Nazzjonalista f’Mejju 1987 u dan ried jagħti lill-pensjonanti dak li kienu tilfu u bl-imgħax. Hekk għamel.

Ma nafx kemm-il darba ktibt dwar kemm żdiedu l-pensjonijiet bejn l-1987 u l-1997. Il-pensjoni dwar l-irtirar żdiedet b’84.1 fil-mija. Il-pensjoni tar-romol żdiedet b’118.74 fil-mija. Il-pensjoni dwar l-invalidità żdiedet b’102.9 fil-mija. Il-pensjoni għad-diżabbilità żdiedet b’75.89 fil-mija.

Fl-istess perijodu ta’ snin, l-inflazzjoni żdiedet bi 30 fil-mija. Dan ifisser li kull min jieħu pensjoni kellu d-dħul tiegħu tliet darbiet u iktar iżjed milli għoliet il-ħajja u għalhekk seta’ jonfoq fuq affarijiet oħra u hekk għolielu l-livell tal-għajxien tiegħu.

Biss il-pensjonijiet m’għolewx biss bejn l-1987 u l-1997. Il-pensjonijiet baqgħu jogħlew kull sena. Mhux biss, iżda filwaqt li sal-aħħar tal-2007 il-pensjonanti kienu jieħdu żewġ terzi biss taż-żieda għall-għoli tal-ħajja, mill-1 ta’ Jannar tal-2008 bdew jingħataw iż-żieda sħiħa.

Barra minn hekk fl-2012 Gvern Nazzjonalista introduċa l-għotja ta’ €300 fis-sena lil kull anzjan u anzjana li għalqu t-tmenin sena. Miżura li gawdew minnha 12,000 anzjan li biż-żieda għall-għoli tal-ħajja ġew ingħataw iktar minn €10 fil-ġimgħa żieda.

Barra ż-żidiet x’ħadu iktar l-anzjani taħt gvernijiet Nazzjonalisti?

Gvernijiet Nazzjonalisti biddlu l-kunċett kollu kif il-poplu jħares lejn l-anzjani. Fi żmien gvernijiet Laburisti d-djar tal-Gvern tal-anzjani kienu Ħal Serħ u Ħal Żmien. Gvernijiet Nazzjonalisti, l-Imgieret bidlulu ismu f’Residenza San Vincenz de Paule u wettqu diversi riformi f’din id-dar biex l-anzjani jħossuhom, u jkunu, qed jgħixu aħjar.

Inbnew diversi djar tal-anzjani. Fosthom dik tal-Imsida li dan il-gvern waqqa’ u ma reġax bena, u dik ta’ Bormla li ser iwaqqa’. Introduċa diversi servizzi għall-anzjani fosthom it-telecare, is-servizz ta’ manutenzjoni fid-djar, meals on wheels, is-servizz ta’ għajnuna fid-djar, id-day care centres, in-nigħt shelters u l-Università tat-Tielet Età.

X’tixtieq tara iktar għall-anzjani?

Nixtieq nara lill-anzjani rappreżentati aħjar f’kull strata tas-soċjetà. Nixtieq li l-anzjani jkunu rappreżentati fl-MCESD u f’korporazzjonijiet, aġenziji u bordijiet pubbliċi fejn jittieħdu deċiżjonijiet dwarhom.

Nixtieq li l-banek jifhmu li anzjan ma tistax toqgħod tibdillu l-mod kif jieħu s-servizz mingħandhom. Ma tistax tagħlaqlu l-fergħat u tibagħtu jinqeda f’raħal jew belt oħra.

Nixtieq li iżjed anzjani jibqgħu jgħixu fil-bliet u fl-irħula fejn trabbew u kibru billi l-Gvern jibni appartamenti żgħar biex jakkomodahom. Nixtieq nara lill-anzjani jgħixu aħjar u mhux li jiżdiedu dawk fil-faqar u r-riskju tal-faqar.

Il-lista hi waħda twila. Għalhekk l-APAN qiegħda taħdem biex tara li x-xewqat tal-anzjani jsiru realtà.