Internazzjonali

ll-Greċja: L-imħabba għamja għall-futbol se tissarraf fi snin ta’ priġunerija għal mafjuż Naplitan

Kriminal ewlieni Taljan li kien ilu jiżgiċċa lill-ġustizzja għal aktar minn ħdax-il sena sa fl-aħħar inqabad mill-pulizija – proprju minħabba li kellu jikxef il-lokalità tiegħu waqt li kien qed jiċċelebra r-rebħ tal-kampjonat Taljan tas-Serie A minn Napoli, aktar kmieni din is-sena.

Vincenzo La Porta, minbarra li hu partitarju kbir tal-‘partenopei’, għandu rabriet mill-qrib mal-Camorra, il-Mafja ta’ Napli u d-destin ried li hu spiċċa jikkommetti ‘awtogol’ metaforiku li swielu l-libertà waqt li kien qed jifraħ bis-suċċess ta’ Napoli fil-Greċja.

Kien proprju ritratt ta’ La Porta li aċċellera l-isforzi tal-pulizija biex jaqbduh, u bil-kelliema għall-Pulizija ta’ Napli jisħqu li ‘il-passjoni (ta’ La Porta) għall-futbol swietlu qares tassew fiċ-ċirkustanzi’.

Il-Pulizija sostnew li la Porta, li għandu 60 sena, ‘tant kien mitluf’ wara l-ewwel rebħ tal-kampjonat minn Napoli fi tletin sena, li nesa li kien wieħed mill-aktar nies imfittxija mill-awtoritajiet Taljani. Dan meta hu diġà spiċċa kundannat fl-Italja fl-assenza tiegħu u bis-sentenza tinvolvi snin ta’ ħabs għal ‘assoċjazzjoni ma’ kriminali’, evażjoni tat-taxxa u frodi.

L-arrest ta’ La Porta seħħ fi tmiem il-ġimgħa meta nqabad mill-pulizija waqt li kien riekeb fuq mutur  fil-gżira ta’ Korfu. U l-aħħar sigħat, hu kien qed jistenna biex ikun estradit lejn l-Italja fejn, ‘il quddiem, kapaċi jispiċċa kundannat għal minimu ta’ 14-il sena ta’ priġunerija.