Futbol Sport

Manchester City u Arsenal jiftħu l-impenji bil-finali tal-Community Shield

(Ritratt: EPA)

Arsenal u Manchester City se jkollhom l-opportunità li jibdew l-istaġun tagħhom fuq nota tajba bil-possibiltà li jirbħu l-ewwel unur fil-forma tal-Community Shield, il-finali li tintlagħab bejn ir-rebbieħ tal-kampjonat Premier League u r-rebbieħ tal-FA Cup. Din is-sena l-finali se tintlagħab bejn min temm fl-ewwel post u min temm fit-tieni post fil-kampjonat, hekk kif Manchester City rebħu t-treble l-istaġun li għadda, b’hekk kienu nkurunati c-champions taż-żewġ kompetizzjonijiet.

Il-partita se tintlagħab illum f’Wembley Stadium fil-5:00pm.

Arsenal kienu qrib li jirbħu l-ewwel titlu tal-Premier League tagħhom mill-2004, madankollu d-dominanza ta’ Manchester City fl-aħħar għaxar logħbiet tal-kampjonat kienet deċiżiva sabiex is-Citizens jirbħu t-tielet kampjonat konsekuttiv tagħhom.

Fil-finali tal-FA Cup, Manchester City ħarġu rebbieħa fil-finali kontra Manchester United fil-Manchester Derby, permezz ta’ doppjetta ta’ Ilkay Gundogan, li issa ħalla t-tim minn Manchester u ngħaqad ma’ Barcelona għall-avventura ġdida.

Fil-konfronti tas-sena l-oħra,  Manchester City ħarġu rebbieħa fit-tlett okkażjonijiet li lagħbu, b’żewġ rebħiet komdi ta’ 3-1 u 4-1 fil-Premier League, kif ukoll rebħa ta’ 1-0 fir-raba’ rawnd tal-FA Cup.

Bis-suq tat-transferimenti jeqreb lejn l-aħħar ftit ġimgħat tiegħu, Arsenal kienu fost l-iktar okkupati, b’tlett akkwisti kbar jingħaqdu mal-Gunners. Kai Havertz ingħaqad minn mar-rivali Chelsea sabiex ikompli isaħħaħ l-għażliet ta’ Arteta fl-attakk, flimkien mad-difensur Justin Timber minn Ajax, u l-ikbar akkwist għal Gunners bla dubju jkun Declan Rice mingħand West Ham għas-somma globali ta’ €123 miljun, b’Ainsely Maitland-Niles ikun l-unika plejer li jħalli lit-tim.

Fil-kamp l-ieħor, Manchester City komplew isaħħu l-iskwadra impekkabli tagħhom, bl-akkwisti impressjonanti ta’ Josko Gvardiol minn RB Leipzing għas-somma ta’ €90 miljun, kif ukoll l-akkwist ta’ Matteo Kovacic mingħand Chelsea għal kważi €30 miljun. Apparti dawn il-plejers ġodda, Manchester City ukoll tilfu żewġ plejers fundamentali fis-suċċessi tagħhom f’dawn l-aħħar snin, fil-forma ta’ Riyad Mahrez li ingħaqad ma’ Al-Ahli fl-Arabja Sawdija, kif ukoll Ilkay Gundogan li ssieħeb ma’ Barcelona fi Spanja. Barra minn hekk, wara li l-akkużi ta’ Benjamin Mendy twaqqgħu, il-plejer ukoll uffiċjalment ħalla lil Manchester City u iffirma ma’ FC Lorient fi Franza.

Din il-partita hija mistennija tkun wirja denja ta’ kif għandu jkun l-istaġun taż-żewġ timijiet, kif ukoll tat-tiġrija għall-kampjonat.