Lokali

Tkompli l-ġimgħa bi pressjonijiet kbar – Robert Abela ġab lill-PL fl-agħar qagħda fl-aħħar snin

Dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda meta Carmen Ciantar, li kienet il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), ħadet il-briga b’idha, irtirat is-sospensjoni tagħha u qalet li se tirritorna għax-xogħol – wara l-vaganzi lil hinn minn xtutna li ħadet – wassal messaġġ qawwi ta’ kemm Robert Abela hu biss figura ineżistenti fejn kulħadd jagħmel li jrid u hu – għaliex jafu ħafna fuqu – spiċċa litteralment priġunier ta’ dawk ta’ madwaru. Mhux ta’ b’xejn li fil-preżent, isem Robert Abela hu konness mal-agħar qagħda li ġab fih il-Partit Laburista fl-aħħar snin.

Anqas biss ta’ Kastilja ma kellhom is-saħħa li jwieġbu l-istqarrija ta’ Carmen Ciantar li rredikolathom u ġabithom jitkellmu waħidhom bl-istqarrija tagħha tagħmilha bl-aktar mod arbitrarju li hi stess kienet se tirritorna għar-rwol tagħha jgħid x’jgħid kulħadd.

Dawn mhumiex affarijiet serji f’pajjiż li kulma jmur qiegħed jirrendi lilu nnifsu mhux normali quddiem la niesu u wisq aktar f’għajnejn il-barranin. Inutli Robert Abela jterraq lil hinn minn pajjiżna biex imbagħad ikollu persuna bħal Carmen Ciantar li tgħolli rasha, tieħu l-briga f’idha u tagħmel fattiha.

Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument staqsew mela x’għandha tagħmel l-Eks Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar. Għandha tagħmel l-istess… tieħu l-briga hi wkoll u tibda ‘tispara’ fuq dak u fuq l-ieħor biex tieħu dak kollu li trid?

Naturalment Robert Abela jipprova jżomm lil hinn minnu kemm jista’ jkun lil Rosianne Cutajar, mhux biss għaliex ġejja mill-fazzjoni ta’ Joseph Muscat, u mhux biss għaliex hi kompetitura diretta fl-istess distrett elettorali… imma għaliex tista’ tkun taf wisq dwar ċerti affarijiet li jistgħu jikkompromettu lil ċerti persuni.

Imma l-istess sorsi marru lil hinn minn Rosianne Cutajar… u staqsew ukoll x’imisshom jagħmlu Eks Membri tal-Kabinett bħal Edward Zammit Lewis, Michael Farrugia, Deo Debattista u oħrajn li qabel kienu parti mill-Kabinett tal-Ministri iżda mbagħad Robert Abela ramihom, warrabhom u qatt ma kellimhom tul din il-leġiżlatura… għajr għall-aħħar jiem meta beda jibgħat għalihom wieħed wieħed f’Kastilja biex jipprova jara fejn jinsab magħhom.

Għaliex Robert Abela għandu bżonn mhux biss lill-Ministri fil-Kabinett u hawnhekk għandu problemi serji għaliex hu konxju mill-fatt li hemm diversi Ministri li ma jikkondividux għajn m’għajn miegħu. Kif reġa’ seħħ nhar it-Tlieta li għadda waqt laqgħa oħra taħraq tal-Kabinett tal-Ministri li għal darb’oħra rrendiet lilha nnifisha b’għajjat u storbju, b’Ministru partikulari juri lil dawk preżenti kemm ma jifhimx f’qasam partikulari u kemm hu għalkollox żbaljat għaliex żgwidat internament!

Robert Abela għandu bżonn tad-Deputati Laburisti back benchers fejn iżda l-popolarità tiegħu hi skarsa ħafna. Għaliex hemm diversi Deputati Laburisti – esklużi Carmelo Abela u xi oħrajn li jafu tajjeb għaliex tilfu posthom mill-Kabinett – li jħossuhom ittraduti minn Robert Abela li fl-għażla tal-Kabinett iddeċieda li jwarrabhom għas-sempliċi raġuni li mhumiex mill-fazzjoni tiegħu.

Qalli biex insejjaħlu ‘ġurdien xiħ fil-Partit Laburista’, sors li jitkellem miegħi rari, iżda li jħobb lill-Partit Laburista. Qalli dan f’nofs din il-ġimgħa li hu jinża’ l-kappell lil Robert Abela għal ħaġa waħda żgur… dik li kien u hu kapaċi jgħaqqad lill-Grupp Parlamentari Laburista kontra tiegħu.

“Mhux biss, iżda issa qed jurta u jgħaqqad lilna wkoll delegati tal-Partit kontra tiegħu aħna wkoll. Għaliex ir-raġel wera u qiegħed ikompli juri li ma jafx jiddeċiedi. Li m’għandux viżjoni ċara. Li mhux konkret. Dawn il-kwalitajiet urihom fil-kwistjoni ta’ ‘Jean Paul Sofia’ fejn qatt ma messu lagħab logħba daqstant kerha fil-konfront ta’ omm li għadha kemm tilfet lil binha. Biex imbagħad spiċċa rtira kollox… grazzi għal ħafna gideb li pprova jbella’ lill-istess Grupp Parlamentari, lill-midja u lill-poplu b’xandira falza lin-nazzjon,” qalli dan il-ġurdien xiħ fil-Partit Laburista.

“Il-Kabinett nhar it-Tlieta ddiskuta l-istqarrija ta’ Carmen Ciantar u din il-kwistjoni? U jekk iva għaliex Robert Abela ma esiġiex li toħroġ stqarrija uffiċjali biex tiċċara l-kwistjoni kollha? Jew kulħadd qiegħed jagħmel li jrid u l-Partit Laburista spiċċa maħtuf u priġunier ta’ dawk f’Kastilja?”

Qalilna dan il-ġurdien xiħ fil-Partit Laburista, li hu jkun spiss iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u t-tgergir kontra Robert Abela hu frekwenti u fil-miftuħ. “Illum anki dawk fit-Tmexxija tal-Partit huma urtati għal Robert Abela. Għandek dawk li kienu qegħdin jimbuttaw lill-Ewroparlamentari Cyrus Engerer, frustrati għall-aħħar għal-logħba ta’ Robert Abela li jinfilsa lil Kevin Ellul li tah l-għodda kolha biex ikun star candidate u jekk l-affarijiet se jibqgħu kif inhuma, dan Cyrus Engerer se jispiċċa jokrob biex jingħata xi position of trust għaliex ikun tilef il-qaleb u l-ġbejna milli jerġa’ jkun elett.”

Dan il-ġurdien xiħ fil-Partit Laburista temm jgħid li hu ma jifhimx ukoll xi prinċipju hu dak li persuna bħal Carmen Ciantar – li m’għandu assolutament xejn kontra tagħha u qatt ma ltaqa’ magħha fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jew f’xi Każin Laburista – tingħata pakkett ta’ mijiet ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Min hi din biex tingħata dawk il-flus kollha? U ta’ xiex tingħata dawn il-flus kollha? Warajha hemm Chris Fearne? Min iddeċieda dwar dan il-pakkett? Chris Fearne waħdu? Chris Fearne bil-barka ta’ Robert Abela? Il-Kabinett tal-Ministri x’sehem għandu dwar dan kollu?

“Għaliex dawn huma affarijiet li żgur li mhumiex skont il-prinċipju tal-Partit Laburista. Mela waħda tiekol b’għaxart iħluq, imbagħad ħafna m’għandhomx biex jgħixu ħajja deċenti.”

Finalment dan il-ġurdien xiħ fil-Partit Laburista qal ukoll li hu jantiċipa li Robert Abela, wara ħafna snin, se jkun qiegħed jagħti telfa lill-Partit Laburista fl-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla. “Hu jwebbes rasu u jibqa’ għaddej u wara jsiru l-kontijiet.”