Lokali

Wara li f’Lulju l-gżejjer Maltin kienu dominanti minn qtugħ kontinwu u fit-tul tas-servizz tal-elettriku

“L-anzjani maqbuda fi djarhom minħabba l-qtugħ tal-elettriku” – Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjani.

“Kien hawn diversi anzjani li spiċċaw priġunieri fi djarhom u ma setgħux joħorġu barra sempliċiment għaliex il-lift tal-komun fejn joqogħdu f’binjiet tal-Gvern, għandhom l-istess lift bil-ħsara.”

“Kien hawn anzjani li ma setgħux jitilgħu fi djarhom u kellhom jistennew għal sigħat twal isfel fl-indana tal-blokka appartamenti fejn joqogħdu sakemm irritorna d-dawl.”

“Kien hawn anzjani li spiċċaw iddaħħlu għall-kura fl-Isptar Mater Dei iżda kellhom jistennew bosta sigħat biex ingħataw kamra.”

“Kien hawn anzjani maqbuda fi djarhom bla servizz tad-dawl u l-elettriku li ma felħux jissaportu aktar is-sħana qawwija li għamlet fuqna.”

Hekk bdiet biex qaltli d-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjani, meta din il-ġimgħa tkellimna fit-tul dwar x’qed jiġri fis-settur tal-anzjanità, b’mod partikulari bħalissa fil-jiem sħan tas-sajf fejn ta’ kull jum jinqata’ d-dawl f’xi parti jew oħra tal-pajjiż.

Paula Mifsud Bonnici bdiet biex qaltli li fix-xahar ta’ Lulju kienu rreġistrati 21 każ ta’ persuni li kienu ċertifikati li l-mewt tagħhom kienet ikkawżata minn ipotermja u deħidrazzjoni.

Dawn il-każijiet seħħew f’xahar li kien karatterizzat minn mewġa ta’ sħana qawwija u wkoll fi żmien meta pajjiżna kien fi kriżi nazzjonali għaliex għall-ġurnata waħda wara l-oħra dan il-Gvern ma kienx kapaċi jwassal il-provista tal-eletteriku fid-djar tagħna bil-konsegwenza li kellna ħafna u ħafna persuni, l-aktar anzjani, li kellhom jiġu rikoverati l-Isptar minħabba kumplikazzjonijiet ta’ saħħa.

Paula Mifsud Bonnici fissret li għalkemm il-Ministeru tas-Saħħa ħareġ jgħid li kienu 21 persuna ta’ bejn it-52 u s-97 sena li mietu kawża tas-sħana, il-Ministeru naqas milli jagħti dettalji ta’ numru akbar ta’ persuni li daħlu l-Isptar Mater Dei u li ġew irreġistrati li mietu kawża ta’ kumplikazzjonijiet oħra… liema kumplikazzjonijiet seħħew kawża ta’ din is-sħana qawwija.

“Persważa li l-ammont huwa ferm u ferm akbar minn 21. Daqstant ieħor il-Ministeru tas-Saħħa jew il-Ministru tal-Enerġija naqsu milli jgħidu kemm minn dawk li mietu jew li ġew rikoverati l-Isptar f’din il-mewġa ta’ sħana, kienu bla provista tal-elettriku fid-djar tagħhom.

“X’jimpurtahom! Għal dan il-Gvern, din ma kenitx kriżi. Iżda għall-persuni kollha li kienu bla dawl għal ġranet sħaħ, għall-anzjani kollha li ġeneralment jiġu avżati biex jevitaw li joħorġu barra fis-sħana iżda kellhom joqogħdu d-dar bla dawl, kienet kriżi kbira u għal uħud din switilhom ħajjithom.”

Paula Mifsud Bonnici kompliet li l-Isptar Mater Dei kien miżgħud bin-nies. Fl-Emerġenza kien hemm paniku kbir b’ħafna nies fuq xulxin li damu jistennew sigħat twal ħafna. It-tobba, l-infermieri u l-ħaddiema kollha ħadmu bla nifs biex jippruvaw isalvaw il-ħajjiet u jlaħħqu mal-persuni kollha li daħlu l-Isptar waqt dawn il-ġranet.

Il-holiday mode li daħal fiha Robert Abela u sħabu, in-nuqqas ta’ investiment ta’ dan il-Gvern fil-qasam tas-saħħa u tal-enerġija, kif ukoll in-nuqqas ta’ kompassjoni u empatija ta’ dan il-Gvern spikkaw bi kbir f’din il-kriżi nazzjonali b’familji jitilfu l-qraba tagħhom, familji u negozji li tilfu ħafna flus minħabba l-ikel li kellhom jarmu jew minħabba l-ħsarat li ġarrbu.

Hi żiedet li bħalma jiġri dejjem, l-anzjani u l-aktar nies vulnerabbli huma l-aktar li jbatu minħabba l-inkompetenza u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ dan il-Gvern. Kellna anzjani maqfulin f’darhom għaliex ma setgħux

jinżlu jew jitilgħu t-taraġ bla stair lift li jaħdem biss bl-elettriku. Kellna anzjani li nzertaw isfel meta inqgħatalhom id-dawl u kellhom jibqgħu isfel għal sigħat twal sakemm jiġi d-dawl.

Kellna anzjani li waqfu f’nofs taraġ u damu ħin twil jistennew sakemm jiġi d-dawl jew jiġi xi ħadd jgħinhom. Kellna anzjani li mis-sodda ma setgħux jinżlu għaliex taħdem biss bl-elettriku.

Kellna persuni li jiddependu minn diversi respiratory health devices u magni oħra biex jgħixu li ma setgħux jużawhom u kellhom jiddaħħlu l-Isptar minflok. Imma għal dan il-Gvern din ma tissejjaħx kriżi!

Din il-ġimgħa faqqgħet storja oħra… f’dawn il-ġranet ta’ sħana qawwija, dan il-Gvern ħalla lill-anzjani fid-Dar tal-Anzjani fiż-Żejtun bla arja kondizzjonata għaliex hemm ħsarat fil-units u skont il-Ministru Jo Etienne Abela, il-kuntratt li hemm bejnu u bejn l-operatur huwa vag u ma jafx jekk ir-responsabbiltà hix tiegħu jew le. Possibbli dan il-Gvern ma għandux flus biex jagħmel sistema ġdida ta’ airconditioning f’din id-Dar tal-Anzjani?

Hi qalet li kif jispjega l-Ministru li ftit xhur ilu l-Gvern investa f’chillers ġodda fid-Dar tal-Anzjani f’Bormla biex ftit xhur wara iddeċieda li jagħlaq din id-Dar, iżda fid-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun ma jrid jagħmel ebda investiment u qiegħed iħalli l-anzjani jbatu?

Ir-responsabbiltà li l-anzjani tagħna ma jbatux is-sħana u li jiġu trattati b’dinjità tibqa’ dejjem tal-Gvern u allura ma hemmx skużi. F’din is-sitwazzjoni l-Gvern irid jaġixxi immedjatament u jipprovdi l-arja kondizzjonata lill-anzjani kollha f’din id-Dar. Jekk irid jagħmel battalji legali jista’ jagħmilhom ukoll imma mhux a skapitu tal-anzjani li qegħdin f’din id-Dar li wara kollox qegħdin huma wkoll iħallsu lill-istess Gvern parti kbira mill-pensjoni tagħhom biex jingħataw servizz ta’ kwalità u li tixirqilhom, temmet Paula Mifsud Bonnici.