Lokali Qorti

30 xahar ħabs u ordni ta’ trattament kontra d-droga wara li ammetta sensiela ta’ serqiet

Ħallel li nstab ħati u ntbagħat 30 xaha ħabs wara li ammetta li seraq oġġetti minn sitt vetturi differenti fi ġimagħtejn. L-Ispetturi Gabriel Micallef u Daryl Borg ressqu lil Ivan Galea ta’ 48 sena mill-Belt quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi t-Tnejn, fuq xejn inqas minn 14-il akkuża b’rabta ma’ serq aggravat u ħsara kriminali. Fid-dawl tal-kundanni preċedenti tiegħu, Galea kien akkużat ukoll li sar reċediv.

Is-sensiela ta’ ‘break-ins’ ta’ Galea damet mit-23 ta’ Lulju sal-5 ta’ Awwissu, immirata lejn karozzi pparkjati fil-Belt Valletta u l-Furjana. L-avukat Martin Farrugia nħatar bħala avukat tal-għajnuna legali biex jassisti lill-imputat.

L-Ispettur Borg spjega lill-Qorti kif il-pulizija kienet investigat numru kbir ta’ rapporti ta’ sgass u serq minn vetturi fl-inħawi tal-Belt Valletta. L-imputat malajr ġie identifikat minn filmati tas-CCTV. Galea ġie arrestat bis-saħħa ta’ mandat ta’ tfittxija u arrest. Il-pulizija sabu numru ta’ oġġetti misruqa ġewwa r-residenza ta’ Galea.

Il-maġistrat Azzopardi rrifjuta t-talba tad-difiża għall-permess biex jersaq lejn il-bank tal-ġudikant, u qal lill-partijiet biex jiddiskutu l-każ fil-miftuħ. Galea, li qal lill-Qorti li kien bla xogħol, wieġeb ħati tal-akkużi u kkonferma l-ammissjoni tiegħu tal-ħtija wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra.

Waqt li għamel sottomissjonijiet dwar il-piena, l-avukat tiegħu qal lill-Qorti li Galea kien qed jissielet mal-vizzju tad-droga u talab li jkun irreġistrat fi programm ta’ rijabilitazzjoni “biex joħroġ minn dan iċ-ċirku vizzjuż.” Il-Qorti ġiet infurmata li Galea kien beda r-riabilitazzjoni qabel iżda ma temmx il-programm.

Il-qorti wara li kkonsultat mal-liġi u l-atti tal-każ, innutat l-akkuża bikrija ta’ ħtija tal-akkużat iżda qalet li ma setgħetx tinjora r-rekord kriminali mċappas tiegħu u l-ħela tiegħu ta’ opportunitajiet preċedenti għal riforma.

Galea weħel sentejn u nofs ħabs. Il-qorti poġġietu wkoll taħt ordni ta’ trattament tal-istess tul ta’ żmien, u ordnatlu jissottometti d-direzzjonijiet tal-uffiċjal tal-parole tiegħu matul dak iż-żmien. “Nittama li din id-darba taħtaf din l-opportunità,” qal il-maġistrat lil Galea.

“Għandek sentejn u nofs ħabs, mhix ċajta. Uża dak iż-żmien sew u oħroġ minn hemm riformat u ħieles mill-problema tad-droga tiegħek. Din il-qorti rat ħafna stejjer ta’ suċċess fir-riabilitazzjoni tad-droga fi żmienha fuq il-Bank tal-ġudikatura u bħala avukat, nittama li tkun wieħed minnhom.”