Lokali

Attakkati karozzi u residenzi fil-Floriana

Numru ta’ karozzi u residenzi fil-Floriana sfaw fil-mira ta’ raġel ta’ nazzjonalità barranija li fil-lejl li għadda wettaq atti vandali fuqhom.

Kien kmieni matul il-lejl li għadda, bejn il-Ħadd u t-Tnejn li numru ta’ residenti fiż-żona ta’ Triq il-Kapuċċini fil-Floriana semgħu storbju kbir fit-triq fejn kien hemm barrani li beda jagħti fuq il-karozzi u fuq il-bibien taż-żona. Dan wassal biex numru ta’ residenti niżlu fit-triq biex jikkontrollaw lir-raġel li kien aggressiv ukoll fil-konfront tagħhom. Sakemm kien kontrollat, ir-raġel laħaq ikkaġuna ħsarat f’numru ta’ karozzi ta’ residenti.

Fuq il-post issejħu l-pulizija li kkontrollaw is-sitwazzjoni u lir-raġel. Jirriżulta li r-raġel joqgħod flimkien ma’ numru ta’ persuni oħra ta’ nazzjonalità barranija f’post kbir fi Triq is-Suq fil-Floriana stess, proprju ftit bogħod minn fejn beda jwettaq il-vandaliżmu fuq il-karozzi u r-residenzi. Mhux stabbilit min huma s-sidien ta’ dan il-post u jekk dan hux post privat. Fil-passat dan il-post serva għal skopijiet komunitarji. Jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni f’dan il-post ma jilħqux il-livelli aċċettabbli.

Wara li twaqqaf milli jkompli jwettaq l-aggressjoni fuq il-karozzi u l-bibien tad-djar, ir-raġel involut ittieħed proprju f’din id-dar mill-pulizija fejn kien hemm ukoll sħabu li jgħixu miegħu f’din id-dar fi Triq is-Suq.