Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Mathieu Van der Poel isir l-ewwel champion tad-dinja Olandiż f’40 sena

(Ritratt: EPA)

Fi Glasgow fuq medda ta’ 271 kilometru, suċċess għal Mathieu Van der Poel tal-Olanda li sar champion tad-dinja meta temm f’6 sigħat, 7 minuti u 27 sekonda. Van der Poel sar l-ewwel Olandiż li sar champion tad-dinja wara 40 sena.

It-tellieqa f’cirkwit ta’ 14.3 kilometri għal total ta’ 271 kilometri bdiet f’Edinburgh iżda twaqqfet għal xi ħin fid-daħla fi Glasgow wara protesti tal-ambjentalisti.

Fil-55 kilometru Alberto Bettiol tal-Italja fetaħ attakk u għal ħin twil tal-korsa kien waħdu sal-mument meta 22 kilometru mit-tmiem Mathieu Van der Poel fetaħ l-attakk mill-grupp. Huwa ssupera lil Bettiol sabiex minkejja waqgħa li seta’ kellha konsegwenzi koroħ, kompla biex rebaħ b’distakk ta’ minuta u 37 sekonda minn Wout Van Aert tal-Belġju.

Fit-tielet post bi sprint daħal Tadej Pogacar tas-Slovenja fuq Mads Pedersen tan-Danimarka, it-tnejn b’distakk ta’ 1 minuta 45 sekonda.