Lokali

Eks ambaxxatur jappella biex in-nies jinżlu fit-toroq sabiex juru l-għadab tagħhom lejn il-Gvern

Ma kull jum li jgħaddi pajjiżna qed ikompli jitlef dawk il-karatteristiċi li jagħmluna uniċi kaġun ta’ dawk il-ftit li jridu japprofittaw miż-żgħir, kaġun tal-mudell ekonomiku li adotta pajjiżna, u kaġun ta’ dawk li qed itellgħu bini b’mod sfrenat.

Dan intqal f’opinjoni miktuba fit-Times of Malta minn l-eks ambaxxatur għall-Unjoni Ewropea John Vassallo fejn tkellem dwar id-divesri problemi li qed jaffaċċja pajjiżna.

Fl-artiklu intqal li l-Gvern ta’ Robert Abela imbotta policies ekonomiċi li mhumiex sostenibbli għal pajjiżna. Dan hekk kif dawk il-policies huma bbażati fuq iż-żieda fil-popolazzjoni; żieda li qed twassal għat-telf tal-identità ta’ pajjiżna kif ukoll daqqa fuq l-ilsien li nużaw f’pajjiżna.

John Vassallo sostna li għad hawn tama sabiex l-affarijiet f’pajjiżna jitjiebu hekk kif il-pressjoni li qed issir diġa’ qed tidher li qed tħalli riżultati fuq il-Gvern ta Rober Abela; bil-ġlied waqt laqgħat tal-Kabinett, u bil-Prim Ministru jaħrab bil-jott sabiex jevita milli jkompli jaffaċċja l-problemi kollha li ġab fuq pajjiżna – azzjoni li turi pożizzjoni ferm dgħajfa.

Fl-artiklu l-eks ambaxxatur saħaq li huwa inutli li dawk li huma rrabjati u mxebba mis-sitwazzjoni preżenti joqgħodu d-dar u jgergru.

Il-poplu jeħtieġ li jkompli jmur fit-toroq u jipprotesta sabiex juri li huwa kontra l-mudell ekonomiku li daħħal il-Gvern Laburista; mudell li se jwassal għal splużjoni fil-popolazzjoni li taf tlaħħaq 800,000 persuna sas-sena 2040.