Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena f’pajjiżna kellna 8,086 inċident, li jfisser żieda ta’ 251 inċident meta kkumparat mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru żieda fl-inċidenti, bil-maġġoranza jseħħu fit-tramuntana tal-port. F’dik iż-żona kien hemm 2,923 inċident li jfisser żieda ta’ 239 inċident fl-istess żona.
Filwaqt li min-naħa l-oħra l-inqas rata ta’ inċident kienet fin-naħa tax-Xlokk b’791 inċident.
Apparti minn hekk dan jindika tnaqqis meta kkumparat mas-sena ta’ qabel hekk kif kien hemm 811 inċident.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena 8 persuni tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku; b’nofshom jitilfu ħajjithom matul ix-xahar ta’ Mejju biss.
Madankollu meta kkumparat mas-sena 2022 il-fatalitajiet naqqsu hekk kif fl-ewwel sitt xhur tas-sena li għaddiet 15-il persuna kienu tilfu ħajjithom kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku.
Skont l-istatistika l-akbar numru ta’ inċidenti seħħew fil-lokalita’ ta’ Birkirkara bl-ammont jitla’ għal 549 inċident fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, l-akbar għadd ta’ inċidenti seħħew matul il-jum tat-Tlieta – 690 każ.
Il-maġġoranza tal-inċidenti seħħew bejn nofsinhar u t-3:00 ta’ waranofsinhar b’967 każ filwaqt li l-inqas għadd ta’ inċidenti seħħew bejn it-3:00 u s-6:00 ta’ filgħodu.
//= $special ?>