Għaddiet ġimgħa minn meta Carmen Ciantar qalet li se terġa’ lura fil-kariga tagħha ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. U sa issa ħadd għadu ma jaf x’wassal biex hi terġa’ lura fil-kariga tagħha u wisq iktar min kienu l-persuni li hi irreferiet għalihom bħala “l-forzi tad-dlamijet” li ħadmu kontriha.
Hekk kif ħarġet din l-aħbar Net News bagħat sensiela ta’ domandi lill-Ministru responsabbli Chris Fearne kif ukoll lil Carmen Ciantar… dwar x’investigazzjoni nadfitilha isimha, min huma dawn il-forzi tad-dlamijiet u effettivament x’inbidel f’dawn l-aħħar 3 xhur. Iżda s’issa.. ġimgħa wara… għadna mingħajr ebda twġiba.
Net News staqsa lil żewġ Ministri u Membri tal-Kabinett, Jo Etienne Abela u Owen Bonnici dwar x’jaħsbu fuq il-fatt li s’issa din l-istorja għadha mifnija b’ħafna misteri. B’Minisitru minnhom joqgħod fuq dak li qalet Carmen Ciantar u b’Ministru ieħor jgħid biss li din il-kwistjoni ma taqax taħt id-dekasteru tiegħu.
Mistoqsija oħra li ilna nistaqsu lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għal aktar minn xahar hija jekk jeskludix li wara l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u ta’ Carmen Ciantar hemmx l-id tal-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat. Bil-Ministru Fearne, fit-23 ta’ Ġunju li għadda, qal li ma jixtieqx jispekula.
Wara daż-żmien kollu ħadd mill-Partit Laburista ma ċaħad jew eskluda l-involviment ta’ Joseph Muscat, bħal ma ġie allegat mill-awtur Mark Camilleri. L-unika fatt ċert hu li skont Carmen Ciantar u Chris Fearne f’pajjiżna hawn l-hekk imsejħa forzi tad-dlamijiet; u sa issa, ħadd m’għandu idea f’hiex waslu l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ li huwa marbut mal-iskandlu tal-isptarijiet.
//= $special ?>