Wara li l-familja ta’ raġel li miet fil-kustodja tal-pulizija f’Ġunju tal-2020 kienet ħadet azzjoni legali kontra l-Istat, fejn sostniet li kien responsabbli għall-mewt tiegħu u ma ttieħdet ebda azzjoni, l-familja ta’ Richmond Tong ta’ 35 sena mill-Imtarfa ressqet il-każ tagħha fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
Richmond Tong kien miet matul il-lejl taħt il-kustodja tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana. Huwa kellu bżonn assistenza medika hekk kif deher li tah attakk ta’ aċċessjoni. Tong kien twaqqaf iktar kmieni matul l-istess lejl mill-Pulizija tal-RIU li kienu fuq ronda u wara li qajmilhom suspett u waqqfuh, saritlu tifttxija fejn instab fil-pussess ta’ sustanza allegatament droga.
Oħt il-vittma kienet qalet ftit wara l-mewt tiegħu li huma tħallew fl-għama dwar dak li ġara lil ħuha dakinhar li tilef ħajtu. Minn dak il-jum ma kellimhom ħadd… lanqas telefonata waħda. “Tweġġa’ meta ma tkunx taf x’ġara eżatt” saħqet oħtu f’intervista li kienet tagħat lil media hekk kif qalet li ħuha ma kellu ebda kundizzjoni medika.
Wara kien instab isofri minn attakk tal-qalb fiċ-ċella tiegħu fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija fl-24 ta’ Ġunju 2020 fit-3.40am. Kien ingħata l-ewwel għajnuna u ssejjaħ tim mediku, iżda r-raġel sfortunatament kien miet.
Huwa kien ġie arrestat tliet sigħat biss qabel, għall-ħabta tan-12.30am, minn żewġ taqsimiet tar-Rapid Intervention Unit tal-pulizija wara li l-movimenti tiegħu kienu qajjmu suspett. Wara mewtu, infetħet inkjesta maġisterjali biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi tal-mewt tiegħu. Espert tat-tossikoloġija ġie mistoqsi biex isir jaf jekk Tong kienx taħt l-influwenza tad-droga meta miet.
Is-sieħba ta’ Tong u żewġt itfal minorenni issa ħarrku lill-Istat għad-danni, u tefgħu t-tort speċifikament, fuq il-pulizija, talli kkaġunaw il-mewt tiegħu u talli ma pprevenewx milli dan isir. Il-kawża tressqet kontra l-kummissarju tal-pulizija, l-avukat ġenerali, l-avukat tal-istat, is-segretarju permanenti fil-Ministeru tal-Intern kif ukoll l-Ispettur tal-Pulizija Stacy Gatt ta’ 28 sena u s-Surġent Karl Nikolai Vella Cassia ta’ 35 sena, li qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali separati dwar l-omiċidju involontarju ta’ Tong.
Is-sieħba ta’ Tong, Jessica Schembri, sostniet fir-rikors tagħha fil-Qorti li minkejja li rawh jibla’ allegata sustanza fil-mument tal-arrest tiegħu, l-uffiċjali ma ħaduhx l-isptar għal ‘check-up’ jew biex ineħħu l-oġġetti li kien bela.
Qalet li għalkemm l-uffiċjali kienu ddiskutew dan mas-superjuri tagħhom, ħadd ma ra li jiċċekkja jekk kienx f’saħħtu jew ħajtu fil-periklu. Schembri qalet li l-awtopsja kkonkludiet li kien hemm borża tal-plastik fl-istonku tiegħu li, meta ġiet ittestjata, kienet pożittiva għall-kokaina, u li kien miet minħabba li din il-borża kienet infetħet fl-istonku ftit sigħat wara li kien arrestat.
Kieku l-kap tal-pulizija, jew ir-rappreżentanti tiegħu, ħadu azzjoni xierqa fil-ħin xieraq, minflok ma ħallew jgħaddu sigħat wara t-teħid tas-sustanza tossika, Tong ma kienx jitlef ħajtu, hi sostniet. Saħqet ukoll li l-pulizija lanqas biss indenjaw ruħhom iċemplu tabib biex jeżamina lil Tong wara li rawh jibla’ s-sustanza.
Fid-dawl ta’ dawn ta’ dan kollu, hi qed iżżomm lill-persuni li nfetħet il-kawża kontrihom responsabbli għall-mewt ta’ Tong u għad-danni kollha, minħabba n-negliġenza u l-inkompetenza tagħhom, in-nuqqas ta’ ħila tagħhom fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom u n-nuqqas tagħhom li jittrattawh g meta kien fil-kustodja tagħhom. .
Qalet ukoll li l-akkużati kienu injoraw ittra ġudizzjarja f’Ġunju fejn talbu li jressqu għal-likwidazzjoni u l-ħlas tad-danni bħala konsegwenza tal-inċident. Dan kien ġiegħelha żżid l-azzjoni tagħha. Is-sieħba ta’ Tong u t-tfal qed ikunu rappreżentati mill-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Edward Debono u Nicholas Debono.
//= $special ?>