It-tifel il-kbir tal-Mexxej Kambodjan Hun Sen kien approvat bħala l-Prim Ministru li jmiss tal-Kambodja fi proċess ‘ta’ formalità’ li jikkonferma t-tranżizzjoni tal-poter f’dan il-pajjiż. Ir-Re tal-Kambodja, Norodom Sihamoni, ħareġ digriet li jikkonferma li Hun Manet se jieħu post missieru li ilu jmexxi lill-pajjiż għal 38 sena bħala parti minn pjan ta’ suċċessjoni fuq l-istil ta’ dinastija.
Hun Sen ħabbar li se jwarrab mit-tmexxija ftit qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ dan ix-xahar. Intant, il-kritiċi wissew li l-elezzjoni tat-23 ta’ Lulju mhix se tkun waħda demokratika wara li l-partit ta’ Hun Sen kien rebaħ is-siġġijiet kollha fil-Parlament ħlief għal ħamsa u wara li l-entitajiet ewlenin tal-Oppożizzjoni kienu esklużi mill-vot nazzjonali..
Hun Manet, li sa ftit ilu kien Kap tal-Armata tal-Kambodja, ilu jkun ippreparat għar-rwol ta’ mexxej. U waqt li l-ħatra tiegħu bħala l-Mexxej tal-Kambodja għad trid tkun ikkonfermata mill-Parlament fi Phnom Penh (fit-22 ta’ Awwissu) din għandha tkun biss formalità peress li l-Partit tal-Poplu Kambodjan ta’ Hun Sen qed jikkontrolla 120 mill-125 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali.
//= $special ?>

