Knisja Kultura Lokali

Il-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu b’dehra mill-isbaħ għall-festa

Hekk kif nhar il-Ħadd li ġej se tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Gejtanu, l-knisja ddedikata għal dan il-qaddis issa għandha dehra ġdida.

It-Tnejn filgħodu ġie inawgurat dan il-proġett ta’ restawr li sar fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.

Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani tal-Ħamrun, tnaddfet il-ġebla tal-faċċata li kienet esposta għat-tniġġis tal-arja. Dan filwaqt li tbiddel il-ġebel immermer li kien espost għall-elementi naturali. Tneħħa tagħmir tal-elettriku u biċċiet tal-ħadid infilzat fil-ġebla, tnaqqas il-kontenut tal-melħ fuq is-saff tal-ġebla, ingħalqu l-ġonot tal-ġebel, u sar l-irtokk u l-kisi protettiv meħtieġ tal-fili.

Fil-proċess ġew restawrati l-aperturi tal-faċċata tal-knisja, li wħud minnhom kellhom anki ħġieġ imxaqqaq. Filwaqt li uħud minnhom reġgħu saru mill-ġdid.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom għax-xogħlijiet ta’ dan ir-restawr. Hu qal li x-xogħol li sar għandu jgħin biex il-bini tal-knisja jinżamm fi stat tajjeb ħafna, ħalli l-knisja, li hi d-dar miftuħa għal kulħadd, tkun tista’ tilqa’ fiha lil kull min jaċċetta l-istedina biex jinġabar fiha bħala parti mill-poplu ta’ Alla. “Il-knisja ta’ San Gejtanu għadek tista’ taraha minn diversi postijiet, u din hi grazzja meta tqis li ċertu bini għoli ġieli ma jħalliniex napprezzaw l-isbuħija ta’ bini li hu l-patrimonju ta’ kulħadd.” L-Isqof appella biex inkomplu b’ħilitna kollha nieħdu ħsieb il-wirt kulturali tagħna, li jgħinna nagħrfu l-identità tagħna bħala poplu.

Il-knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun kienet bdiet tintuża fl-1875, u fl-1881 saret Knisja Parrokkjali. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.