“Il-kriżi fil-Qorti ta’ ‘mismanagement’ qed tħalli effett drastiku fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u li dawn jinkludu nuqqas ta’ staff u problemi oħra.” L-Imħallef Ian Spiteri Bailey qal li huwa “inaċċettabbli” li rikors tal-qorti dam 20 jum biex jiġi pproċessat mir-reġistru tal-qorti, u li wasal fl-awla tiegħu tant tard li t-talba tal-applikanti tilfet l-effett u saret superfluwa.
Wara li numru ta’ ħaddiema tal-Qorti wkoll ippreżentaw il-każ tagħhom li lanqas biss qed jitħallsu għall-overtime li huma għamlu f’dawn l-aħħar tliet snin, issa anke membri tal-ġudikatura qegħdin jibgħatu messaġġ li s-sitwazzjoni fil-Qorti kull ma jmur qed issir aktar inkwetanti.
L-Imħallef Spiteri Bailey f’nota li għamel appella lill-awtoritajiet biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fil-qorti kemm jista’ jkun malajr u ordna n-notifika tad-digriet tiegħu fuq il-każ lill-kap eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti Eunice Grech Fiorini, lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u lill-Kamra tal-Avukati. .
Huwa għamel dan l-appell meta kien qed jiddeċiedi kawża tal-qorti bejn żewġ kumpaniji marittimi li rriżultat fl-arrest ġudizzjarju ta’ bastiment f’Malta. Id-dewmien wassal biex mandat ta’ prekawzjoni jieħu effett eżekuttiv sħiħ, b’effetti diżastrużi fuq il-vapur sekwestrat.
“Dan huwa każ tipiku ieħor li jikxef il-problemi kbar fl-amministrazzjoni tal-qrati tagħna u li tqajmu kemm-il darba f’sentenzi oħra fil-passat riċenti. Huma problemi li qed jolqtu wkoll il-progress tal-proċeduri legali,” ilmenta l-Imħallef Spiteri Bailey.
“Mhux aċċettabbli li att ġudizzjarju jieħu 20 jum biex jiġi pproċessat mir-reġistru, aktar u aktar f’settur sensittiv u importanti bħal dak marittimu, meta kulħadd iqis is-settur bħala wieħed importanti għal pajjiżna,” żied jgħid.
L-imħallef, li jippresiedi kawżi kummerċjali u marittimi, qal li kien hemm “ħafna okkażjonijiet” meta inġunzjonijiet jew ordnijiet ta’ sekwestru waslu għand l-imħallef li jippresiedi ġimgħatejn wara li ġew ippreżentati fil-qorti, u tilfu kull effett.
“Nuqqasijiet fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna qed iwasslu għal dawn l-inċidenti bħal dak li qed nittrattaw miegħu llum,” huwa saħaq. F’dan il-każ – kwistjoni legali bejn żewġ kumpaniji involuti fis-settur marittimu. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja trid tkun effiċjenti u effettiva sabiex iżżomm ir-reputazzjoni tal-pajjiż u dik tal-bandiera tiegħu, qal l-Imħallef.
L-Imħallef Spiteri Bailey li dan aktarx qed iseħħ minħabba n-nuqqas kbir ta’ ħaddirma u nuqqas saħansitra akbar ta’ nies kwalifikati biex jipproċessaw atti ġudizzjarji b’espedjenza u b’ħila biex il-kunsinna tkun tista’ ssir mingħajr dewmien.
Qal li “ostakli” bħal dawn qed iseħħu wkoll għaliex l-amministrazzjoni tal-qorti għandha reġistru wieħed biss fejn jiġu ppreżentati l-atti ġudizzjarji kollha, irrispettivament minn liema qorti jkunu indirizzati. Filwaqt li kull att ġudizzjarju għandu jingħata l-mertu u l-importanza tiegħu, bħalissa huwa impossibbli li dawn jiġu ffiltrati, minħabba l-importanza dovuta tagħhom u pproċessati malajr, kompla jisħaq.
“Il-qorti tħoss li l-problema ta’ nuqqas ta’ staff u problemi oħra fl-amministrazzjoni tar-reġistru tal-qorti jridu jiġu ttrattati bis-serjetà u mingħajr aktar dewmien għax qed joħolqu problemi u ostakli għall-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja u wkoll joħolqu diżservizz lill-pubbliku li jirrikorri azzjoni ġudizzjarja.
“Għaliex avukat li jkun għamel xogħlu, bħal f’dan il-każ, mingħajr ma jidħol fil-merti ta’ jekk il-klijent tiegħu għandux raġun jew ħażin, jispiċċa f’din is-sitwazzjoni b’deċiżjoni sfavorevoli għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu. Mhux ġust fuq il-klijent u lanqas fuq l-avukat.”
L-Imħallef tenna l-appell tiegħu għall-introduzzjoni ta’ qorti speċjalizzata, fuq l-istess mudell tal-Qorti tal-Familja, biex tippresjedi kawżi marittimi, bir-reġistru tagħha stess u b’persunal adegwat u mħejji u kkwalifikat b’mod adegwat.
L-Imħallef Ian Spiteri Bailey mhux l-ewwel ġudikant li qed jikkummenta dwar in-nuqqas ta’ riżorsi li hemm fil-Qorti, li tmeri dak li jgħid il-Prim Ministru Robert Abela, li l-Qorti għandha r-riżorsi kollha biex taħdem. Ftit tal-ġimgħat ilu waqt ġuri, l-Imħallef Aaron Bugeja kkritika l-fatt li fil-Qorti lanqas hemm ‘photo copier’ tal-kulur, għodda ferm essenzjali għall-Qorti.