Lokali Saħħa

Il-PN jinsisti li mas-saħħa m’hemmx kompromessi, għax il-pazjenti jixirqilhom l-aħjar

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-mod kif il-proċess biex pazjenti morda bil-kanċer jingħataw il-kimoterapija b’mod effiċjenti sar mhux sostenibbli, kif irrimarkaw ukoll diversi spiżjara involuti fil-proċess, għax mhux aċċettabli li diversi pazjenti jridu jittalbu għall-kura li jeħtieġu.

Dan qalu permezz ta’ stqarrija l-kelliem tal-PN Stephen Spiteri.

Filwaqt li jirringrazzja lill-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika li, bil-Community Chest Fund joffri tama ta’ trattament lil ħafna pazjenti, il-Partit Nazzjonalista jtenni li dik mhix l-aqwa soluzzjoni. Il-kura u s-servizzi lill-pazjenti morda bil-kanċer għandhom ikunu pprovduti kollha kemm huma mill-Gvern biex tkun assigurata aktar effiċjenza u t-trattament jingħata f’ħinu u f’waqtu mingħajr burokrazija żejda u mingħajr diffikultajiet.

Għall-Partit Nazzjonalista, mas-Saħħa m’hemmx kompromessi u li l-pazjenti jixirqilhom l-aħjar. Hemm divesi mezzi u mudelli li l-Gvern jista’ jaddotta biex il-kimoterapija tkun aċċessibli b’mod aktar sostenibbli għall-marid.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jippreżenta proposti konkreti f’dan ir-rigward għax jemmen li flimkien għandna nħarsu l-aħjar kwalità ta’ kura għall-pazjenti tagħna.