Ftit tal-jiem ilu tlesta r-restawr tal-Kappella ta’ San Filippu u San Gakbu magħrufa bħala Tal-Propostu; kappella illi tinsab f’San Gwann
Dan il-proġett ta’ restawr, li x-xogħol fuqu beda f’Mejju li għadda u tlesta f’Lulju, kien propost mill-Kunsill Lokali ta’ San Gwann. Ix-xogħol ta’ restawr sar kollu mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.
Il-Perit responsabbli mix-xogħlijiet Roberta Mallia spjegat li x-xogħol li sar kien jinkludi fost l-oħrajn tindif tal-faċċata mill-ħmieġ, tikħil ta’ fili b’taħlita bbażata fuq il-ġir u tiswija ta’ ġebel.
Il-Kappella ta’ San Filippu u San Gakbu nbniet fil-bidu tal-1730. F’dokument datat 18 ta’ Ottubru tal-1732, il-Propostu ta’ Birkirkara Gaspare Giuseppe Vassallo iddikjara li kellha tinbena kappella fuq art magħrufa bhala Ta’ Wied Ghomor. Fejn imbagħad il-kappella ġiet trasferita lill-parroċċa ta’ San Gwann lejn in-nofs tas-seklu 20 meta giet stabilita l-parroċċa tal-Kunċizzjoni.
Dan ix-xogħol ta’ restawr ikompli jsaħħaħ is-sens ta’ komunità kif ukoll il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Dan hekk kif kull lokalità kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex għandha ħafna x’toffri fejn jidħol l-element reliġjuż, artistiku u kulturali.
//= $special ?>