Edukazzjoni Lokali

“Is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna għandha bżonn riforma ħolistika urġenti” – MaltaCAN

In-numru ta’ studenti li ma għaddewx mill-eżamijiet tal-O-levels twassal għal riforma ħolisitika urġenti li għandha issir fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, il-MaltaCAN, li tikkonsisit f’14-il organizzazzjoni li flimkien jaħdmu favur id-drittijiet tat-tfal, qalet li r-rużultati urew li 20% tas-36,044 student li għamlu l-O-levels, m’għaddewx u kienu klassifikati bil-grad ta’ ‘U’. Dan iwassal għal attenzjoni kollettiva sabiex ikunu inidirizzati l-isfidi li qed jaffaċċjaw l-istudenti fil-mixja edukattiva tagħha.

L-istqarrija tkompli tgħid li t-tnaqqis fl-ammont ta’ studenti li jgħaddu mill-eżamijiet huwa ta’ tħassib kbir. Il-MaltaCAN qalet li huwa fir-responsabbiltà ta’ kulħadd li jara li l-istudenti ikollhom l-apparat meħtieġ biex ikunu jistgħu jirnexxu kemm akkademikament kif ukoll fil-ħajja personali tagħhom.

Il-MaltaCAN qed titlob għal riforma komprensiva fis-sistema edukattiva li tindirizza numru ta’ oqsma fosthom li s-sistema edukattiva tkun tista’ tgħin lill-istudenti kollha anke dawk li jkollhom abblitaijet differenti, li l-għalliema jkollhom it-taħriġ u l-għodda kollha neċessarja, li l-istituzzjonijiet edukattivi ikollhom servizz ta’ għajnuna għas-saħħa mentali, kif ukoll ikun hemm iktar kollaborazzjonijiet u komunikazzjoni bejn l-għalliema u l-ġenituri.

Il-MaltaCAN qed titlob lil dawk li jfasslu l-politika, lill-awtoritajiet edukattivi kif ukoll lill-istakeholders sabiex jagħtu iktar prijorità u jinvestu fir-riforma edukattiva meħtieġa li tpoġġi l-benesseri soċjali u l-iżvilupp ta’ kull student fiċ-ċentru ta’ kollox.

L-istqarrija tgħid li jekk isir dan kollu, ikun il-vera pass ‘il quddiem sabiex isseħħ il-bidla tant meħtieġa. Il-MaltaCAN temmen li permezz ta’ ħidma kollettiva, tista’ tinħoloq sistema edukattiva li tagħti s-saħħa lill-istudenti sabiex isiru ċittadini infurmati u kunfidenti.