Filwaqt li l-qawwiet Russi fl-Ukrajna qed jippruvaw irażżnu l-furja tal-kontra-attakki mill-Armati tal-Gvern Ukren, il-grupp – lew leġjun – ta’ ġellieda Russi li jridu jwaqqgħu lill-President Russu Vladimir Putin qed ikomplu jkunu ta’ uġigħ ta’ ras kbira għall-Kremlin.
Dan meta l-ġellieda mal-Leġjun ‘anti-Putin’, fl-aħħar sigħat, qerdu depot importanti li kien qed iżomm il-munizzjon u l-fuel f’zona tal-Ukrajna li hi okkupata mit-truppi Russi. L-azzjoni li biddlet dan id-depot f’infern ta’ nirien, kompliet mal-attakki regolari ta’ dawn il-ġellieda fuq ir-reġjuni mal-fruntiera tal-Ukrajna mar-Russja.
Il-Leġjun bl-isem Ħelsien għar-Russja hu determinat li jwassal għall-bidla fil-Kremlin waqt li jaqleb il-paġna għar-Russja li daħlet fi gwerra minħabba l-ambizzjonijiet territorjali Vladimir Putin u l-kollegi f’Moska.
Intant, il-ġellieda tal-Leġjun, li ilu ffurmat mis-sena l-oħra, ibbumbardjaw il-villaġġ ta’ Zaitsevo fir-reġjun Ukren ta’ Donetsk li hu okkupat mis-separatisti li jappoġġjaw lir-Russja u bir-riżultat li huma laqtu direttament lid-depot fost ir-riżultati devastanti.
L-attakki fuq l-infrastruttura militari u l-faċilitajiet ta’ appoġġ għall-qawwiet Russi qed jitqiesu bħala tattika kruċjali li tnaqqas mill-effettività tas-suldati ta’ Putin. Fl-istess ħin, jidher li l-ġellieda tal-Leġjun inkwistjoni qed jirnexxilhom jagħmlu dan permezz ta’ bumbardamenti għall-għarrieda kif ukoll permezz tar-rejds fqu stil ta’ ‘commando’.
Il-Leġjun jinkludi l-mijiet ta’ militar Russi li ssieħbu miegħu bħala voluntiera u li fl-aħħar xhur ikkonċentraw l-attakki fuq ir-reġjuni tar-Russja mal-fruntiera, fosthom ir-reġjuni ta’ Belgorod u Kursk. Intant, qed jidher li dawn il-militar, issa, qegħdin iwettqu wkoll sensiela ta’ attakki effettivi fuq it-taqsimiet tal-Armata regolari tar-Russja.
Kelliema għal dan il-Leġjun, sadanittant, sostnew li l-voluntiera Russi qed jikkooperaw mal-qawwiet armati tal-Ukrajna u li huma qed jieħu d-direttivi mingħand l-Ogħla Kmand militari Ukren. Dan waqt li huma qed jistqarru li l-iskop aħħari tagħhom hu li jeħilsu lir-Russja minn sistema ta’ tirannija.
Min-naħa tiegħu, il-Ministeru tad-Difiża Russu fl-ebda ħin ma ammetta li l-Armati tiegħu qed ikollhom jiġġieldu gwerra fuq diversi fronti ġodda — u fost l-intoppi li qed jiffaċċjaw huma u jippruvaw jevitaw li jispiċċaw f’sitwazzjoni vulnerabbli fl-Ukrajna kif ukoll fl-ibliet tar-Russja qrib il-fruntieri tal-ġar.
L-istess Ministeru lanqas ma kkummenta dwar il-qerda tad-depot fejn kien hemm numru sinifikanti ta’ mines u balal għall-artillerija tal-qawwiet Russi.
//= $special ?>