Kelliema għas-servizzi sigrieti tal-Ukrajna qalu li l-awtoritajiet fil-pajjiż irnexxielhom ixejnu kumplott kontra l-ħajja tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky – bl-aħbar toħroġ ftit tal-ħin ilu.
It-Tmexxija tas-servizzi sigrieti tal-SSU, intant, arrestat mara li kienet qed twassal l-informazzjoni lir-Russja u li qed tgħin fl-investigazzjonijiet tagħha. Dan ukoll wara li l-mara, li ma kenitx identifikata, inqabdet qed tiġbor id-data dwar iż-żjara li Zelensky kien għamel il-ġimgħa l-oħra fl-inħawi ta’ Mykolaiv.
Sar magħruf li l-allegata aġenta tar-Russja pruvat tikseb l-informazzjoni dwar il-ħinijiet li Zelensky kellu jagħmel f’xi lokalitajiet speċifiċi bħala parti mill-pjan biex hi, imbagħad, tgħaddi d-dettalji lill-awtoritajiet Russi. Li kieku rnexxa dan il-pjan, ir-Russi kienu jsibuha faċli biex iwettqu attakk bi preċiżjoni – aktarx li bil-qawwiet tal-ajru – bil-ħsieb speċifiku li jeliminaw lill-Mexxej Ukren.
L-allegat kumplott u d-dettalji żvelati ftit ilu mill-SSU saru magħrufa fi żmien meta l-qawwiet Ukreni qed ikomplu bil-kontro-offensiva bil-ħsieb li jieħdu lura l-artijiet ta’ pajjiżhom li għadhom okkupati mir-Russi u li jinkludu t-territorju tal-Krimea li ilu mill-2014 taħt il-kontroll tal-Kremlin.
//= $special ?>