Lokali

Libjan fil-periklu tal-mewt wara ġlieda f’Bormla

Tliet persuni ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ allegata aggressjoni li seħħet f’Bormla u li
ħalliet Libjan ta’ 36 sena bi ġrieħi serji kawża ta’ daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.

Kienu għall-ħabta tat-8:15am tal-Ħadd filgħodu x’ħin il-Libjan, residenti l-Imsida, daħal fl-Għassa ta’ Bormla u stqarr li kien għadu kif ġie aggredit f’residenza fi Triq il-Madonna tal-Grazzja. Minnufih intalbet l-assistenza medika, fejn il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim li wasalt mill-isptar Mater Dei b’ambulanza. Hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji, u jinsab fil-periklu tal-mewt.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li ftit qabel kien seħħ argument u l-Libjan allegatament ġie aggredit minn tliet irġiel b’arma f’dahru. Wara, huma ħarbu mill-post.

Investigazzjonijiet intensivi wasslu biex aktar tard, l-allegat aggressuri – żewġt irġiel ta’ 33 sena
u ieħor ta’ 34 sena kollha residenti Bormla – ġew arrestati u qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana għal aktar stħarriġ.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Elaine Rizzo li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin