Internazzjonali Lokali

Maltin affettwati mit-tifun li mistenni jolqot il-Korea t’Isfel

Numru ta’ Maltin mistennija jintlaqtu mit-tifun li se jolqot il-Korea t’Isfel fejn bħalissa qed issir il-World Scout Jamboree.

Numru ta’ ġenituri li t-tfal tagħhom bħalissa jinsabu l-Korea u qed jieħdu sehem World Scout Jamboree tkellmu ma’ Net News fejn ikkonfermaw li minħabba t-temp previst, se jkunu trasferiti f’postijiet oħra f’Seoul f’akkomodazzjoni provduta mill-Gvern tal-Korea t’Isfel, fejn qed isiru tħejjijiet għal programm alternattiv. F’email li rċevew il-ġenituri kienu assigurati li l-kontinġent Maltin jinsab qawwi u sħiħ.

Ftit tal-jiem ilu, sfortunatament il-Korea t’Isfel intlaqtet ukoll minn heat wave fejn numru ta’ kontinġenti li kienu qed jiffurmaw parti mill-World Scout Jamboree kellhom jabbandunaw il-kampijiet. Dakinhar il-kontinġent Malti flimkien ma’ bosta kontinġenti oħra kienu ddeċidew li jibqgħu hemm u jkomplu l-avventura tagħhom fil-25 edizzjoni tal-World Scout Jamboree.

Iżda wara t-twissija li ħarġet rigward it-tifun, il-kontinġent Malti kien kostrett jabbanduna din iz-zona. Il-kontinġent Malti mistenni lura Malta fit-18 ta’ Awwissu.

Il-Jamboree ssir kull erba’ snin f’pajjiż differenti. L-ewwel edizzjoni saret lura fl-1920 fl-Ingilterra. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena qed jieħdu sehem 43,000 persuna minn 158 pajjiż mill-kontinenti kollha. 

Malta hi rappreżentata minn 75 persuna, li minnhom hemm 47 scout bejn l-14 u s-17-il sena. Il-bqija tal-kontinġent huma helpers u leaders immexxija minn Timmy Cutugno f’isem l-Iscout Association ta’ Malta. 

Il-grupp telaq minn Malta fit-28 ta’ Lulju u mistenni jirritorna nhar it-18 ta’ Awwissu. Il-World Scout Jamboree kien ippjanat li jsir bejn l-1 u t-12 ta’ Awwisu, imma se jieqaf ħesrem għada filgħodu minħabba t-tifun li mistenni jilħaq il-pajjiż.

Hu mifhum li t-tifun bħalissa jinsab il-Ġappun u jista’ jilħaq il-Korea sa nhar il-Ħamis li ġej.