Eks manager ta’ ristorant ġie mmultat u kkundannat għal probation talli rritorna fir-ristorant li jinsab il-Gżira fejn kien għadu kemm tkeċċa minnu, u hedded lill-istaff bi skieken. Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, Pierre Walton ta’ 53 sena mill-Gżira ammetta akkużi relatati ma’ inċident nhar is-Sibt, 5 ta’ Awwissu, fejn hedded lill-impjegati u d-diretturi tar-ristorant waqt li kien fis-sakra.
Huwa kien qed iġorr żewġ skieken, deskritti bħala skieken tal-ħobż mill-avukati tiegħu, fil-ħin tar-reat.
Fil-Qorti ntqal kif Walton kien tkeċċa mill-impjieg tiegħu talli mar għax-xogħol fis-sakra. Huwa kien mar lura d-dar u ħa żewġ skieken, qabel ma qal lil oħtu li kien se joqtol lill-eks imgħallem tiegħu.
Hu mifhum li kienet oħtu li mmedjatament ċemplet lill-pulizija, li arrestawh fir-ristorant. L-Ispettur Jonathan Ransley akkuża lil Walton li kkaġuna lill-eks imgħallem tiegħu u sħabu biża’ mill-vjolenza, li ġarr iż-żewġ skieken fil-pubbliku mingħajr permess tal-pulizija, li kiser il-paċi, li kien fis-sakra f’post pubbliku u li qal kliem insulenti u ta; theddid.
L-imputat wieġeb ħati, u kkonferma l-ħtija tiegħu, minkejja li ngħata l-opportunità li jirtira l-ammissjoni tiegħu. Meta wieħed iqis l-ammissjoni bikrija tar-raġel li għandu rekord kriminali nadif, Walton ġie mmultat €200 għall-akkuża ta’ sikkina u tpoġġa taħt probation għal tliet snin. Inħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-impjegati u d-diretturi tan-negozju. L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin kienu l-avukati difensuri.
Multa u probation għal eks manager ta’ ristorant talli hedded lil sħabu bi skieken


