L-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat qed jinsisti li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jsejjaħ vot ta’ fiduċja fih fost it-tesserati tiegħu.
Dan l-appell wasal wara li saru diversi allegazzjonijiet, li qatt ma kienu miċħuda, li Robert Abela qiegħed jaffaċċja kriżi interna fit-tmexxija tiegħu – bi Brincat, f’artiklu ppubblikat fit-Torċa, saħaq li mhux għaqli li l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla jinbidlu f’Referendum dwar jekk il-Laburisti jridux lil Abela jew le.
Tant kemm hija reali l-kriżi li għandu Robert Abela, li Joe Brincat qed jgħidlu li dan il-vot iservi ta’ opportunità sabiex b’mod surreali l-mexxej jikkampanja għas-simpatija qalb il-Laburisti – fatt li storikament fi ħdan il-Partit Laburista huwa mingħajr preċedent.
Dalgħodu, staqsejna lill-Ministru Jo Etienne Abela jekk jaqbilx ma’ dak li qal Joe Brincat… bil-Ministru jirreferi għal Brincat bħala “opinjonista” u li għandu dritt għall-opinjoni tiegħu.
Fl-aħħar jiem, Joe Brincat tefa wkoll pressjoni fuq Robert Abela sabiex jagħmel u-turn oħra u jerġa’ jdaħħal lil Rosianne Cutajar lura fil-Partit Laburista. Dan hekk kif Brincat ma qabilx mal-mod kif Abela tratta lil Cutajar.
Issa, wara din il-pressjoni, Brincat qiegħed jisfida lil Robert Abela imur għall-vot tat-tesserati wara li mis-surveys riċenti ħareġ fil-beraħ li l-popolarità tal-Mexxej Laburista – minn xahar għall-ieħor – qiegħda tkompli tonqos.
//= $special ?>