Lokali

€9.2 biljun dejn: €2 miljuni dejn ġdid kuljum

Kważi €4 miljun imgħax fuq id-dejn fil-ġimgħa

Sal-aħħar ta’ Ġunju, id-dejn ta’ pajjiżna kien ta’ madwar €9,200 miljun. Dan ifisser €756.8 miljun aktar minn Ġunju 2022 jew żieda ta’ €2 miljun dejn ġdid kuljum. Dawn iċ-ċifri mhux qed jgħidhom il-Partit Nazzjonalista, iżda l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, dan intqal mid-deputat nazzjonalista Jerome Caruana Cilia.

L-interessi li pajjiżna qed iħallas fuq dan id-dejn huma ta’ madwar €3.85 miljun kull ġimgħa. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti u jerġa’ jtenni li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.

Sal-aħħar tal-2019, id-dejn tal-Gvern kien jammonta għal €5,700 miljun. Dan ifisser li l-Prim Ministru Robert Abela żied id-dejn b’madwar €3,500 miljun, għal €9,200 miljun. Aktar minn terz tad-dejn ta’ pajjiżna għamlu Robert Abela.

Dan hu ta’ tħassib anke għax, skont rapporti fil-mezzi tax-xandir, dalwaqt se jerġa’ jintlaħaq qbil biex mekkaniżmi relatati mas-sostenibbiltà fiskali fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropa jerġgħu jidħlu fis-seħħ fix-xhur li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.