Sport Sport Ieħor

Golf: Fidda għat-tim nazzjonali Malti fil-Greċja

It-tim nazzjonali tal-Golf kiseb il-midalja tal-fidda fil-kompetizzjoni tal-ETSC li saret f’ Costa Navarino fil-Greċja.

L-ewwel fażi kienet waħda pożittiva għall-Maltin wara li Ruud Critien, Liam Debattista u Oliver Stuart kisbu punteġġi li poġġew lit-tim fit-tieni post tal-fażi tal-gruppi. Malta lagħbet kontra s-Serbja fil-fażi eliminatorja fejn huma rebħu tnejn mit-tliet logħbiet li lagħbu sabiex eventwalment għaddew għas-semifinali tal-kompetizzjoni.

Fil-fażi tal-aħħar erbgħa Malta lagħbet kontra l-Bulgarija u b’wirja oħra pożittiva Malta rebħet żewġ logħbiet oħra minn tlieta sabiex għaddiet għall-finali kontra l-holders il-Greċja. F’finali bbilanċjata kien biss lejn it-tmiem li l-Greċja ħarget rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.

It-tim Malti kien magħmul minn Ruud Critien u Laurens Schulze Doering flimkien ma’ Oliver Stuart u Liam Debattista li kienu relattivament ġodda għal din il-kompetizzjoni. It-tim kien immexxi minn Andy Borg u kien akkumpanjat mill-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Golf William Beck.

Il-pajjiżi li ħadu sehem f’dan it-tournament kienu l-Albanija, l-Andorra, il-Bulgarija, Ċipru, Il-Ġorġa, il-Greċja, Liechtenstein, il-Lussemburgu, is-Serbja u l-Ukrajna.