Bħal nhar it-Tlieta ġimgħa, fit-22 ta’ Awwissu l-Qorti se tagħti l-ġudizzju tagħha fil-konfront ta’ Rumen ta’ 34 sena li ammetta li waqt li kien fis-sakra ħebb għal kuntistabbli tal-Pulizija f’Paceville u aktar tard tabib fl-Isptar Mater Dei.
Madalin-Ionut Virlan tressaq mill-Ispettur Zachary Zammit li wettaq dan ir-reat nhar it-Tnejn 7 ta’ Awwissu. Huwa ammetta mill-ewwel li fi Triq San Ġorġ f’San Ġiljan ħebb għall-pulizija, m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li kien fis-sakra u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Virlan ammetta wkoll li fl-istess jum, meda ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura, ħebb għal tabib u kkaġunalu ġrieħi ħfief. Filwaqt li d-difiża qalet li l-ħati kkopera mal-Pulizija wara li ġie f’sensih, tant li anke fil-Qorti ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri. Ir-Rumen baqa’ miżmum taħt arrest għal 15-il jum fejn dak inhar irid jerġa’ jidher il-Qorti biex jingħata l-ġudizzju. Għalih deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Mattia Felice.
//= $special ?>

