Matul is-sena li għaddiet, l-Arċidjoċesi ta’ Malta esperjenzat żieda fid-dħul tagħha fuq is-sena 2021; riżultati finanzjarji li jinkludu fost l-oħrajn il-Kurja tal-Arċisqof, 55 parroċċa, entitajiet tal-knisja u numru ta’ djar.
Minkejja dan id-dħul, il-Knisja xorta irreġistrat żbilanċ ta’ €8.8 miljun.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġie spjegat illi dan it-telf ġie esperjenzat fl-investimenti tal-Knisja kawża tal-isfidi kbar preżenti fis-swieq finanzjarji.
Is-sena l-oħra, l-Arċidjoċesi ta’ Malta kellha nfieq ta’ €56 miljun. Bl-ispejjeż jiżdiedu l-aktar fejn jidħol xogħol ta’ manutenzjoni u anke minhabba donazzjonijiet li ngħataw lil dawk li kienu fi bżonn ta’ għajnuna.
Kien hemm ukoll spejjeż relatati maż-żjara tal-Papa Franġisku.
Spejjeż oħra kienu relatati mal-fatt illi bdew isiru l-festi mill-ġdid wara l-waqfa assocjata mal-Covid fl-2021.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross spjega ma’ Net News kif il-Knisja għadha qed tipprova tirkupra mid-daqqiet ta’ ħarta li ħadet tul dawn l-aħħar snin.
Id-dħul ta’ investiment tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, partikolarment tal-APS Bank, żdied b’5% fuq is-sena ta’ qabel.
Is-Segretarju Amministrattiv spjegalna li l-Bank APS sejjer ferm tajjeb hekk kif issa l-partijiet tas-shareholder qed jinfirex għand aktar investituri, b’mod speċjali fost il-Maltin u l-Għawdxin.
L-Arċidjoċesi ta’ Malta timpjega fuq bażi full-time u part-time ‘l fuq minn 1,300 persuna.
Fl-aħħar xhur, kien hemm tnaqqis ta’ ħaddiema f’numru ta’ entitajiet iżda l-Arċidjoċesi assigurat li kull ħaddiem li kien jaqa’ taħt il-kotba tal-Kurja, ġew mgħejjuna biex isibu xogħol ieħor.
Intant, id-Dar tal-Providenza baqgħet tirċievi żieda fid-donazzjonijiet.