Lokali

L-Għawdxin frustrati: Il-Gvern ma jagħtihomx widen

“Ilna snin twal nappellaw għal bidla mmedjata fejn tidħol il-gżira Għawdxija iżda għadna ma ngħatajnix widen.”

Kien dan is-sentiment espress mill-membri tal-Forum għal Għawdex waqt laqgħa li kellhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech. Laqgħa li fiha spjegaw kif saħansitra kellhom diskussjoni mal-Prim Ministru, Robert Abela u ma’ erba’ membri tal-Kabinett fil-bidu tax-xahar; iżda jħossuhom daqslikieku ġew injorati wara l-appelli li wasslu.

L-attivisti Għawdxin tqarrew b’mod ċar li s-sitwazzjoni ambjentali f’Għawdex tinsab fi stat ta’ kriżi, b’konsegwenzi negattivi u inevitabbli tal-iżvilupp żejjed fuq l-ekonomija, it-turiżmu u n-negozju. Dan filwaqt li l-gżira Għawdxija spiccat dipendenti wisq fuq is-settur tal-kostruzzjoni u l-propjetà.

Il-Forum sostna li bidla reali u pożittiva tista’ tinkiseb biss jekk jittieħdu u jiġu implimentati deċiżjonijiet urġenti, robusti u tanġibbli fejn tidħol il-politika tal-ippjanar u l-mudell ekonomiku preżenti sa qabel tmiem is-sena.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista minn naha tieghu saħaq li kif dejjem sar fil-passat se jkompli jaħdem biex ma narawx lill-gżira Għawdxija tispiċċa fi stat ta’ kriżi. Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal din il-laqgħa kien hemm id-deputati Mario de Marco, Janice Chetcuti, Alex Borg, Stanley Zammit u Jerome Caruana Cilia.

Bernard Grech insista li huwa importanti ferm li nsalvaw il-kwalità tal-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi. Dan b’mod speċjali meta naraw li l-ħsara li qed issir mhix issir biss fuq l-ambjent….iżda wkoll ħsara ekonomika, fost diversi problemi oħra.

Il-Forum Għal Għawdex huwa magħmul mill-ENGOs Din L-Art Ħelwa Għawdex, Għawdix u Wirt Għawdex li jirrappreżentaw il-vuċi tal-ambjent u l-patrimonju f’Għawdex, il-Gozo Business Chamber u l-Gozo Tourism Association li jirrappreżentaw il-vuċi tan-negozju u t-turiżmu Għawdxi, il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex li jirrappreżenta l-14-il kunsill lokali u l-komunitajiet kollha ta’ Għawdex u l-Gozo University Group li jirrappreżenta liż-żgħażagħ u l-futur ta’ Għawdex.

Ritratti: Martin Agius