Lokali

Riservi minħabba riskji kbar dwar il-garanzija ta’ €400 miljun li l-gvern ta għall-power station tal-Electrogas

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi Alfred Camilleri iddikjara fil-PAC li kellu riservi dwar il-garanzija ta’ €400 miljun li għamel il-gvern għall-power station tal-Electrogas minħabba li kien hemm element kbir ta’ riskju marbut magħha.

Il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas komplew ikunu skrutinati f’laqgħa li saret illum tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC).

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi kien presedut mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Graham Bencini u Mark Anthony Sammut. Għall-gvern ipparteċipaw il-Whip Laburista Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo u d-deputati Laburisti Alex Muscat u Amanda Spiteri Grech.

Din il-laqgħa saret wara intervent tal-Ispeaker Anġlu Farrugia fuq ittra taċ-Chairman Darren Carabott wara li l-membri tal-Gvern ma ridux li l-PAC jkompli jiltaqa’ matul is-sajf.

Fis-seduta tal-lum kellu jixhed l-ex Prim Ministru Joseph Muscat iżda dan jinsab imsiefer.

Fix-xhieda tiegħu Alfred Camilleri, li kien Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi mill-2006 sa Ġunju 2022 u għalhekk fil-perjodu li nbniet il-power station tal-Electrogas, qal li fil-kariga tiegħu ma segwiex il-proċess tal-offerti tal-power station għaliex dan sar mill-Enemalta.

Camilleri qal li kważi m’attenda għall-ebda laqgħa dwar il-power station ħlief dawk dwar il-garanzija li għamel il-gvern. Alfred Camilleri xehed li l-ewwel garanzija bankarja kienet f’Diċembru 2014. Il-gvern kien iggarantixxa biss 80% waqt li fl-€450 miljun il-gvern iggarantixxa €360 miljun. Kieku inqala’ xi ħaġa fl-aħħar ħames snin, kien ikun hemm exposure ta’ iktar minn €400 miljun.

L-ewwel self sar sakemm il-ħlas ikun disponibbli bejn Diċmebru 2014 u Awissu 2015 fl-ammont ta’ €110 miljun li l-gvern iggarantixxa €88 miljun minnhom. Kien hemm estenzjoni ta’ din il-garanzija b’żieda ta’ €27 miljun bejn Mejju 2015 sa Awissu 2016. Il-self  ta’ €450 miljun daħal minn Lulju 2015 sa Mejju 2017 u kien hemm estenzjoni sa’ Diċembru 2017. Kien hemm €360 miljun (80%) garantiti mill-gvern. Fid-29 ta’ Diċembru ngħalqet l-garanzija. Minn dawn il-garanziji, il-gvern daħħal €12-il miljun li daħlu fil-Fond Konsolidat.

Alfred Camilleri qal li t-talba għall-garanzija kienet saret fuq livell ta’ gvern u ta’ kabinett fejn kien hemm diskussjonijiet twal. Hu spjega li kien hemm team kbir fil-ħidma wara din il-garanzija.

Qatt ma kien hemm garanzija ta’ din l-entità, spjega Alfred Camilleri, li kompla li l-gvern ried jieħu ħafna salvagwardji dwarha. Ir-riskju tal-garanzija kien marbut mal-entità li lilha kienet qed tingħata u mhux il-kobor tagħha fl-ammont, sostna Alfred Camilleri, li kompla li hu kellu riservi fuq din il-garanzija għaliex kien qed jikkunsidra l-interess tal-pajjiż.

Hu kompla li r-riserva tiegħu kienet li din kienet garanzija lill-kumpanija privata bil-problema li jekk ikun xi diffikultajiet, il-gvern ikun espost. Ir-riservi tiegħu kienu minħabba li l-ammonti involuti kienu kbar jekk jinqalgħu xi diffikultajiet, sostna x-xhud, li qal li l-Enemalta għandha storja twila ta’ garanziji.

Qabel l-2013 kien hemm diffikultajiet fl-Enemalta fejn fl-2012 kienu indirizzati d-djun tal-Enemalta u kien hemm downgrade minħabba l-problemi tas-sussidju taż-żejt. Fl-2012 sar ristrutturar ta’ parti mid-djun tal-Enemalta biex l-Enemalta bdiet tistejqer u bdiet tirreġistra profitt; issa l-Enemalta qed terġa’ tiddependi mis-sussidji tal-gvern.

Alfred Camilleri qal li qatt ma kellu ndħil politiku minn xi ministru u sostna li kien hu li spjega r-riskju tal-garanzija lill-kabinet tal-ministri (Laburisti). Kieku nqala’ xi ħaġa fuq din il-garanzija “konna nieħdu lura l-power station“, sostna x-xhud li kompla li kien il-gvern li ppropona li ssir il-garanzija.

Ix-xhud kompla li din kienet l-ewwel darba li saret u kienet ikkunsidrata bħala irregolari għax ma kinitx regolari. “Il-gvern ħass li kienet neċessarja”, sostna Alfred Camilleri, li kompla li l-Ministru tal-Finanzi ma jidħolx fil-proġetti kollha minkejja li dan kien proġett kbir. Hu qal li fil-passat kien hemm proġetti ikbar minn dan iżda ma kienx hemm garanziji. Ħafna mill-proġetti tal-privat isibu finanzjament mill-privat, sostna Alfred Camilleri, li qal li s-seciurity of supply agreement kien garanzija.

Alfred Camilleri kompla li l-Enemalta ma kinitx f’pożizzjoni li tiffinanzja dan il-proġett mingħajr finanzjament tal-gvern. Hu qal li ma jafx jekk kinitx ikkunsidrata l-possibbiltà li jkun il-kuntrattur li jfittex garanzija. Mistoqsi dwar ir-riskju li hu kien imħasseb dwaru, ix-xhud qal li ma kienx hemm garanziji oħra li setgħu jingħataw.

Alfred Camilleri xehed li kienu ttieħdu l-azzjonijiet minħabba r-riskju li kien hemm u qal li “aħna qatt m’għamilna dawn it-tip ta’ garanziji”. Hu qal li wara din il-garanzija, l-garanziji jridu jkunu diskussi fil-parlament.

B’riferenza għall-garanzija lis-SOCAR fl-2015, ix-xhud qal li ma kienx jaf biha u li kien sar jaf biha meta ħarġet fil-pubbliku. Ix-xhud kompla li dak iż-żmien għadu Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Finanzi fi żmien Edward Scicluna u sostna li kien tkellem mal-Ministru Scicluna dwar dan, li kien tkellem mal-Ministeru tal-Enerġija. Ix-xhud sostna li dawn mhumiex garanziji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Finanzi.

Għal aktar mistoqsijiet, Alfred Camilleri qal li l-Ministeru tal-Finanzi kien irċieva notifika f’Settembru 2017 dwar nuqqas ta’ progress fil-kuntratti bejn il-partijiet, partikolarment is-self. Il-bank kien qal li l-Electrogas ma kinitx qed tirreġistra progress u għalhekk kienet issejħet laqgħa urġenti.

Dwar id-dazju li jammonta għal madwar €40 miljun li ġew maħfura lill-Electrogas, Alfred Camilleri qal li dan id-dazju kien tħallas mill-Electrogas iżda kien rimorżat lura mill-Enemalta.

Jirriżulta li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien iddikjara fil-parlament li, mill-bidu tal-operazzjoni f’Marzu 2017 sa Frar 2023, l-Electrogas kienet ħallset l-ammont ta’ €11.7 miljuni bħala dazju u sisa u €600,000 f’VAT waqt li l-kumpanija  Delimara 3 Power Generation ħallset lid-Dwana €3.9 miljun f’dazju u €46,000 f’VAT.

Għall-kumment ta’ Darren Carabott b’riferenza għal din id-dikjarazzjoni parlamentari tal-Ministru Clyde Caruana li realment dan l-ammont ma kienx qed jitħallas mill-Electrogas iżda kien qed jitħallas mill-fondi pubbliċi, Alfred Camilleri qal li l-Ministeru tal-Finanzi ma jidħolx fl-arranġamenti li jkunu saru. “Tistaqsix lili… staqsi lill-Ministru… dak kien il-ftehim li għamlu!” irrimarka Alfred Camilleri.

Dwar l-FIAU, Alfred Camilleri qal li l-Ministeru tal-Finanzi ma kienx ikun jaf x’qed jinvestigaw l-FIAU. Mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet kriminali fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u dwar jekk sarux xi inkjesti amministrattivi, Alfred Camilleri qal li l-pożizzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi dejjem kienet li l-istituzzjonijiet kellhom jagħmlu xogħlhom.

Dwar kuntatt partikolari li kellu ma’ Konrad Mizzi, Alfred Camilleri qal li dak iż-żmien kienu qed isiru allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Konrad Mizzi u kien għalhekk li kien iddisassoċja lilu nnifsu minnu. Alfred Camilleri qal li l-Ministeru tal-Finanzi qatt ma staqsa għaliex ma kienx hemm komunikazzjoni mal-Ministeru u għaliex il-Ministeru tal-Finanzi ma kienx ikun konsultat dwar il-proġett tal-power station.

Il-kumitat aġġorna għad-29 ta’ Awwissu 2023 meta se jkompli jixhed l-ex Prim Ministru Joseph Muscat.